L-editorjal ta’ The Times ta’ Londra ta’ dalgħodu jittratta dwar Malta u jikkonkludi b’dawn il-kliem:

“Is-Sur Muscat qed jinsisti li m’għandniex għalxiex niddubitaw l-indipendenza tal-investigazzjoni u jgħid li għandu l-fiduċja li din ser ikollha l-ħila ssib tarf tad-delitt. Jgħid ukoll li mhux ser jagħti l-immunità għal kull min kien implikat fid-delitt. Partiti fl-oppożizzjoni m’humiex jaqblu ma’ dan u qed isejjħu għar-riżenja tiegħu. Huwa minn ewl id-dinja li jekk jirriżulta li xi ħadd minn fost dawk qrib is-Sur Muscat jiġu mixlija bit-twettiq tad-delitt, huwa jkollu jwarrab. Il-ġustizzja tkun tista’ ssir u tkun tista’ tiġi mradda’ lura l-fiduċja f’Malta jekk is-Sur Muscat jirrikuża ruħu minn kull involviment fl-investigazzjoni.”

Kif qed taraw, Joseph Muscat qed ikompli jmexxi l-investigazzjoni hu, qed ikompli jikkontrollaha hu u qed ikompli jassigura li ebda wieħed minn dawk qrib tiegħu ma jiġu mixlija bit-twettiq tad-delitt.

L-editorjal ikompli jgħid: “L-isfida li għandha quddiemha Malta m’hix biss dik li jinstab tarf tad-delitt u li ssir il-ġustizzja fil-konfront tas-Sinjura Caruana Galizia u tal-familja tagħha. Jeħtieġ li dan iseħħ b’mod li bis-saħħa tiegħu tkun tista’ tiġi mradda’ lura l-fiduċja fl-impenn tal-pajjiż lejn is-saltna tad-dritt.”

Din l-isfida m’aħniex nilqgħuha u, wara li tlifna r-reputazzjoni tajba li kellna bħala pajjiż li fih wieħed jista’ jagħmel in-negozju, issa qed nitilfu r-reputazzjoni tajba li kellna bħala pajjiż demokratiku fejn issaltan il-liġi.

M’hemmx dubju li dan l-editorjali ma nkitibx minn Robert Musumeci.

Aqrawħ hawn.