Il-Maġistrat Doreen Clarke laqgħet talba li saret minn Repubblika u ordnat li għandha tinbeda’ inkjesta dwar l-imġieba ta’ tliet Ministri tal-gvern fil-kwistjoni dwar il-privatizzazzjoni ta’ tliet sptarijiet pubbliċi. Il-Maġistrat qalet li jkun xieraq li jiġu nvestigati l-allegazzjonijiet li għamlet Repubblika dwar id-delitti kriminali ta’ ħasil ta’ flus u ta’ korruzzjoni minn naħa tal-Ministri Chris Cardona, Edward Scicluna u Konrad Mizzi.

Digriet simili kien ingħata f’Lulju li għadda mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li kienet ordnat it-tnedija ta’ inkjesta dwar l-imġieba tat-tliet Ministri u ta’ Ivan Vassallo, sid il-fornitur tal-isptarijiet Technoline.

Iżda f’Ottubru li għadda, id-digriet li ordna t-tnedija ta’ inkjesta ġie revokat mill-Imħallef Giovanni Grixti li kien laqa’ appell li sar mit-tliet Ministri.
Fil-frattemp, il-Maġistrat Gabriella Vella issa bdiet l-inkjesta tagħha fil-konfront ta’ Ivan Vassallo, li ma kienx appella mid-digriet.

Hekk kif l-Imħallef Giovanni Grixti rebbaħ l-appell lill-Ministri li kienu għamluh, Repubblika ppreżentat talba oħra għat-tnedija ta’ inkjesta fil-konfront tal-istess tliet Ministri. L-avukat Andrew Borg-Cardona għan-nom ta’ Repubblika ippreżenta wkoll ilment kontra l-Imħallef Giovanni Grixti mal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li hi l-entità kostituzzjonali li tissorvelja l-imġieba tal-Imħallfin.

Illum il-Maġistrat Doreen Clarke ċaħdet l-argumenti li ġabu t-tliet Ministri fis-sens li Repubblika ma kienitx ġabet provi li kien seħħ it-tixħim u l-korruzzjoni. Il-Maġistrat qalet li għalkemm il-liġi tagħti s-setgħa lil kull ċittadin privat li jitlob it-tnedija ta’ inkjesta, l-istess liġi ma tagħtix setgħa eżekuttiva lill-istess ċittadini li tkun meħtieġa għall-ġbir tal-provi. Ċittadin privat m’għandux is-setgħa li jarresta jew li jissekwestra dokumenti u li dan huwa appuntu l-iskop wara t-tnedija tal-inkjesti.

Il-Maġistrat qalet ukoll li, f’dan l-istadju, m’hix f’pożizzjoni li tgħarbel l-argumenti li ġabu l-Ministri fis-sens li ma kien seħħ xejn ħażin meta kienu ġew ipprivatizzati l-isptarijiet. Skond il-Maġistrat, din hi kwistjoni li ser tiddeċiedi dwarha l-inkjesta.

Il-Maġistrat fakkret li meta uffiċjal tal-pulizija jitlob il-ftuħ ta’ inkjesta minħabba s-suspettat twettiq ta’ delitt kriminali, ħadd ma jippretendi li dan għandu jippreżenta l-provi u tkun l-inkjesta nnifisha tiftaħ it-triq għall-ġbir ta’ dawn il-provi.

Il-Maġistrat Clarke ordnat li l-ismijiet tat-tliet Ministri għandhom jitniżżlu fil-lista ta’ persuni suspettati fl-inkjesta li tinsab għaddejja dwar l-isptarijiet immexxija mill-Maġistrat Vella.

Għaldaqtant għal darb’oħra t-tliet Ministri huma fost il-persuni suspettati f’inkjesta kriminali.

Għal Repubblika qed jidher l-avukat Jason Azzopardi.