Sa hawn kellhom il-ħila jwassluħ lil pajjiżna. B’nifisna maqtugħ qed nistennew lill-ħakkiema jiddeċiedu d-destin tagħhom u, minn fuq, jippretendu li għandna nkunu grati lejhom għal dan.

Il-Kabinett qed jiltaqa’ b’urġenza. Tul dawn l-aħħar erbat ijiem ittantaw jifirduna skont il-partit, nazzjonalisti jew laburisti. Meta ma rnexxielhomx li jagħmlu dan, ittantaw jifirduna skont il-preferenza tagħna għal Yorgen Fenech jew għal Keith Schembri.

Aħna ma niġbdu l-ħabel ta’ ebda wieħed minn dawn. Safejn nistgħu nifhmu, dawn it-tnejn huma l-istess persuna u jirrappreżentaw il-ħażen dijaboliku li fittex li jisfruttana billi jerdagħlna flusna u jaħbihom f’xi gżira eżotika tal-banana fuq in-naħa l-oħra tad-dinja. U sa fejn nistgħu nifhmu, t-tnejn li huma kienu parti minn konfoffa li assassinat  ġurnalista li kienet kixfithom.

Kull ma tlabna kienu s-sewwa u l-ġustizzja. Iżda l-ministri li llum telgħu dawk it-taraġ ta’ Kastilja fittxew li jiċħdulna s-sewwa u l-ġustizzja għal tliet snin u nofs. U matul dawn l-aħħar erbat ijiem, għal żmien pjuttost qasir, deher li ma setgħux ikomplu jikkontrollaw l-iżviluppi li kienu qed iseħħu: il-kontroll tilfuh minn idejhom.

Imma issa m’aħniex daqshekk żguri dwar dan. Għaliex minflok istituzzjonijiet li jaħdmu b’mod indipendenti minn kull interess, mingħajr biża’ u favuri, sabiex tiġi garantita l-ordni u sabiex tiġi mħarsa l-libertà tal-kelma u tal-informazzjoni, għandna gvern li jiddeċiedi hu kif u meta għandha ssir il-ġustizzja u kif u meta din għandha tiġi miċħuda. Jekk illum igħelbuhom l-iżviluppi li qed iseħħu, dan mhux ser iseħħ minħabba xi manjanimità min-naħa tagħhom. Iżda għadna ma nafux jekk humiex ser jgħelbuhom l-iżviluppi jew jekk humiex ser jibqgħu mkaħħlin mas-siġġu u lill-pajjiż iżommuh bħala ostaġġ.

Issa kulma jkollna nagħmlu hu li nistennew b’sens ta’ disperazzjoni.

Iżda mhix disperazzjoni dik li qed inħossu. Ninsabu mbeżżgħin. U mill-biża’ jinbet il-kuraġġ u ċ-ċertezza li, jekk illum ma niżgurawx li ssir ġustizzja, l-għada nkunu lesti li neżiġuha mill-ġdid.

Determinati li nissieltu għal dak li hu sewwa. M’aħniex se nċedu malajr.