Edward Scicluna, Chris Cardona u Konrad Mizzi appellaw minn deċiżjoni li ttieħdet din il-ġimgħa minn Maġistrat biex jitniżżlu fil-lista ta’ persuni suspettati fl-inkjesta li qed tinvestiga korruzzjoni u tixħim fil-privatizzazzjoni ta’ tliet sptarijiet pubbliċi.
L-appell tagħhom ser jinstema’ mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.
Il-Ministri kienu diġà rebħu appell minn sentenza li kienet ingħatat minn Maġistrat ieħor li kien iddeċieda li għandha ssir inkjesta kriminali dwar l-involviment tagħhom fil-proċess ta’ privatizzazzjoni. Dan l-appell kien qatgħu l-Imħallef Giovanni Grixti li s’issa kien l-uniku mħallef li f’żewġ kawżi separati ddeċieda li talba ta’ ċittadin privat għat-tnedija ta’ inkjesta kriminali m’għandhiex tintlaqa’ kemm il-darba ma jinġiebux provi aħħarin u kompleti.
Wara li nqatgħet is-sentenza tal-Imħallef Giovanni Grixti, Repubblika ppreżentat rikors ġdid quddiem Maġistrat oħra. Fid-digriet tagħha li fiha laqgħet it-talba ta’ Repubblika, l-Maġistrat saħqet li ma jagħmilx sens jekk ċittadini privati jingħataw id-dritt li jitolbu t-tnedija ta’ nkjesta u fl-istess ħin ma jingħatawx is-setgħa li jissodisfaw il-kundizzjonijiet impossibbli li mpona l-Imħallef Grixti fis-sentenza tiegħu.
Fid-digriet tagħha l-Maġistrat saħqet ukoll li meta uffiċjali tal-pulizija jitolbu lill-Maġistrati jordnaw it-tnedija ta’ inkjesti, dawn jordnaw l-istess inkjesti mingħajr ma jkunu bdew jinġabru l-provi, liema provi ċittadini privati m’a ngħatawx is-setgħa li jiġbru mill-Imħallef Giovanni Grixti.
Wara li ġie preżentat l-appell, Repubblika u l-avukat Andrew Borg Cardona ppreżentaw ilment dwar l-Imħallef Giovanni Grixti quddiem il-Kummissjoni tal-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li tissorvelja u tgħarbel l-imġieba tal-membri tal-ġudikatura.
Dan l-appell ġdid li ppreżentaw il-Ministri ser jinstema’ mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li din il-ġimgħa kienet għassa biex tisma’ appelli minn sentenzai tal-Qorti tal-Maġistrati.
Għal bosta raġunijiet, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera hi mħallef kontroversjali u wħud minn dawn ir-raġunijiet huma rilevanti għal dan il-każ. Meta fl-imgħoddi kienet Maġistrat, lil Consuelo Scerri Herrera tneħħewlha minn taħt idejha kawżi ta’ libell li fihom kienu mdaħħlin persuni politiċi. Il-Prim Imħallef ta’ dak iż-żmien kien iddeċieda li l-Maġistrat ma setgħetx tiġi fdata bħala persuna imparzjali f’kwistjonijiet ta’ kontroversja politika.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera tiġi oħt il-Ministru Josè Herrera li hu kollega tat-tliet Ministri li l-appell tagħhom ser jinstema’ quddiemha. Fl-imgħoddi, l-Ministri Scicluna, Cardona u Mizzi kienu sostnew li huma ma jistgħux jinżammu responsabbli għad-deċiżjonijiet Ministerjali minħabba l-fatt li r-responsabbiltà hu waħda kollettiva għall-Kabinett kollu. Jekk argument bħal dan jintlaqa’, l-Imħallef Scerri Herrera tkun effettivament qed tiddeċiedi wkoll dwar l-imġieba ta’ ħuha stess.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera hi wkoll is-sieħba ta’ Robert Musumeci li għamel biżibilju ta’ stqarrijiet politiċi b’appoġġ għat-tliet Ministri b’mod partikolari għall-Ministri Chris Cardona u Konrad Mizzi. Lil dawn ta’ sikwit iddefendihom mill-akkużi ta’ dawk li, skont Musumeci, jippretendi li huma “qaddisin aktar mill-Papa”.