Agħtu daqqa t’għajn lejn dan ir-rapport mill-qorti dwar it-tieni sessjoni ta’ dalgħodu tal-proċess kriminali tat-tliet irġiel li jinsabu mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Jien għamilt xi riċerki u ninsab infurmat minn bosta għejjun li William Cuschieri, li huwa l-avukat tal- aħwa Alfred u George Degiorgio, bgħat xi rapporti tekniċi u informazzjoni fornuta mill-esperti tal-FBI dwar il-post li fih kienu jinsabu l-klijenti tiegħu fil-ħin tad-delitt, lil ditta tal-konsulenza speċjalizzata fil-Istati Uniti. Huwa bgħat ukoll xi provi li kienu ġew ippreżentati mill-Ispettur li qed jinvestiga l-każ Keith Arnaud.

Din id-ditta Amerikana jisimha Cherry Biometrics ta’ Virginia u din tinkludi diviżjoni dwar is-cell tower tracking li ta’ sikwit titqabbad minn difensuri f’ġurijiet li jsiru fl-Istati Uniti bil-għan li jirribattu provi li jkunu ġew preżentati mill-prosekuzzjoni.

Dan mhux kollox. Id-difiża qabbdet ukoll inġiniera Taljani għall-istess skopijiet.

F’dan l-istadju jkun jeħtieġ li wieħed jieqaf biex jaħseb ftit.

L-ewwelnett, il-liġi Maltija ma tippermettix lid-difiża f’proċess kriminali li tqabbad esperti biex jixhdu bħala xhieda tad-difiża. L-esperti jinħatru mill-qorti stess u dawn ikunu obbligati li jwieġbu il-mistoqsijiet li jsirulhom mill-qorti u mill-avukati taż-żewġ naħat, jiġifieri dawk tal-prosekuzzjoni u dawk tad-difiża. Għaldaqstant m’huwiex ċar x’bi ħsiebhom jagħmlu l-avukati tal-aħwa Degiorgio bil-kuntatt li diġà għamlu ma’ esperti Amerikani u Taljani.

It-tieni, skont il-liġi Maltija l-provi li jkunu nġabru għandhom ikunu aċċessibbli biss għall-avukati taż-żewġ naħat. Kif ġie spjegat dalgħodu fil-qorti, lanqas l-avukati tal-familja tal-vittma ma jista’ jkollhom aċċess għal dawn il-provi. Ikun qed jabbuża min jaqbad u jiġbor informazzjoni mill-proċess tal-qorti u jibgħatha lejn l-Amerika. L-Imħallef illum wissa’ li imġieba bħal din m’hix aċċettabbli u m’għandhiex tirrepeti ruħħa fil-futur. Iżda dak li seħħ fl-imgħoddi jgħodd ukoll.

It-tielet, wieħed għandu jistaqsi b’liema mod qiegħda titħallas din il-konsulenza. Din m’hix kwistjoni ta’ kurżità. Jien diġà skantajt dwar kif l-aħwa Degiorgio jidher li għandhom il-mezzi biex iħallsu l-ispejjeż tal-kawżi kostituzzjonali li għamlu. U l-avukat William Cuschieri illum stqarr li x’aktarx li għad isiru aktar kawżi ta’ din in-natura.

Diġà huwa misteru kbir dwar kif dawn qed jirnexxielhom iħallsu l-ispejjeż li jġibu magħhom dawn il-kawżi. Iżda huwa misteru ħafna akbar kif dawn ukoll kellhom il-mezzi biex iqabbdu esperti Amerikani. Skont l-għejjun tiegħi, wieħed ikun jeħtieġ li jħallas bejn $400,000 u $600,000 biex iqabbad espert Amerikan u jtellgħu jixhed.

F’dan il-każ, l-espert ikun mistenni li jmeri l-provi li jkunu ġew miġbura mill-FBI f’qorti barranija u f’proċess kriminali dwar assassinju politiku li fih x’aktarx hi mdaħħla l-kriminalità organizzata. X’aktarx li l-ispejjeż marbutin ma’ dan l-eżerċizzju jkunu ħafna aktar għoljin.

M’hemmx dubju li kulħadd għandu d-dritt li jkollu difiża adegwata. Issa għamlu paragun mad-difiża li għandhom l-aħwa Degiorgio u r-riżorsi bla tarf li jidher li dawn għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom mad-difiża li għandu seħibhom il-ko-akkużat Vincent Muscat li – fost raġunijiet oħra li jista’ jkun hemm – jidher li m’għandux il-mezzi finanzjarji biex iħallas avukat difensur u issa qed jidher għalih avukat maħtur mill-qorti.

Iżda tibqa’ bla tweġiba l-mistoqsija dwar kif dawn għandhom il-mezzi biex ilaħħqu ma’ dawn l-ispejjeż kollha. Il-mixlija ser igħaddu proċess kriminali fuq akkuża ta’ ħasil ta’ flus u għaldaqstant ġidhom suppost huwa miżmum. Jeħtieġ li niftakru wkoll li dawn ilhom bla xogħol għal għexieren ta’ snin li matulhom, skont huma, ma kienu qatlu lil ħadd u allura ħadd ma ħallashom biex iwettqu qtil – forsi bis-saħħa t’hekk nistgħu nikkonkludu li m’għandhomx minn fejn iħallsu.

U jekk dan tassew huwa l-każ, ifisser li dawn l-ispejjeż qed iħallashom xi ħadd ieħor.

Min ma jkollux il-mezzi finanzjarji biex ikollu difiża adegwata is-soltu jingħata għajnuna mill-istat. M’hemm xejn ħażin jekk ikun hemm NGO dwar id-drittijiet tal-bniedem li tħallas hi għall-ispejjeż tad-difiża. Iżda jekk dan huwa l-każ, l-NGO in kwistjoni mistennija li tkun trasparenti dwar dan.

Allura min qed jiffinanzja l-ispejjeż tad-difiża tal-aħwa Degiorgio? Dawn it-tnejn jinsabu mixlija bi qtil u għad iridu jinkixfu l-kompliċi li allegatament ħallsuhom biex iwettqu d-delitt. Dawk li qed jiffinanzjaw id-difiża u l-kompliċi jistgħu ikunu l-istess persuni.

X’inhu jiġri?