Il-ġurnal La Sicilia rrapporta li Yorgen Fenech “m’huwiex persuna li m’hix magħrufa” mal-awtoritajiet Taljani. “Għall-kuntrarju” kien qed jiġi mfittex mill-iskwadra mobbli tas-sezzjoni ta’ kontera l-kriminalità ta’ Katanja li għal xi żmien kienet nvestigatu dwar imħatri llegali u xiri ta’ players fil-logħob tal-futbol. L-investigazzjoni li ssejħet “treni del gol” wasslet għall-bidu ta’ proċeduri kriminali inizjali kontra dak li kien il-president tal-klabb tal-futbol ta’ Katanja Nino Pulvirenti u kontra uffiċjali oħra tal-klabb.

Wara li ngħalqet il-fażi preliminari, il-pulizija Taljana infurmat lil bosta persuni li kienu ser jittieħdu passi kontrihom iżda Yorgen Fenech ma kienx ġie notifikat għax ma setax jinstab. Issa huwa mistenni li jiġi notifikat mill-awtoritajiet Taljani fil-ħabs.

La Sicilia kitbet li, issa li Yorgen Fenech jinsab taħt arrest, l-awtoritajiet Taljani jridu jinterrogawħ.

Il-prosekuturi Kataniżi huma tal-fehma li Yorgen Fenech xaħħam u wara għamel imħatri fuq ir-riżultat ta’ nuru ta’ partiti tal-futbol fl-Italja (Catania v Atalanta, Parma v Livorno, Napoli v Verona u Udinese v Sampdoria). Il-partiti  kienu ntlagħbu fi tmiem il-ġimgħa tat-18 ta’ Mejju 2014.

Wara li għaddiet ġimgħa, huwa mifhum li Yorgen Fenech xaħħam u reġa’ lagħab imħatri illegali f’tliet partiti tat-tieni diviżjoni.

La Sicilia kitbet ukoll li l-arrest ta’ Yorgen Fenech se tkun ta’ opportunità għall-prosekuturi Sqallin li jerġgħu jiftħu l-każ tal-korruzzjoni fil-logħob tal-futbol kontra Giuseppe Enzo Mangion li kien ġie misjub ħati f’każ ieħor. Enzo Mangion huwa iben Francesco, kunsillier ta’ Nitto Santa Paola, kap notorju tal-mafja ta’ Katanja.

Din ma kienitx l-ewwel darba li nkixfet rabta bejn l-imħatri llegali ta’ Yorgen Fenech u l-mafja Kataniża. Il-Portomaso Casino kien intuża minn Nunzio Laganà għal attivitajiet tal-logħob tal-poker, liema attivitajiet huma suspettati li servew biex jinħaslu flejjes maħmuġin tal-Cosa Nostra.

Nunzio Laganà huwa sieħeb fin-negozju ta’ Vincenzo Romeo, negozjant Taljan li ssemma’ b’rabta mal-gaming ta’ natura dubjuża f’Malta u, inċidentalment, jiġi wkoll in-neputi ta’ Nitto Santapaola, li jingħad li kien il-viċi mexxej tal-mafja ta’ Sqallija.

Yorgen Fenech kien jopera lill-Portomaso Casino taħt liċenzja maħruġa mill-Malta Gaming Authority.