Dan il-filmat inġibed minn Monique Agius tan-Newsbook. Din kienet waħda minn bosta ġurnalisti li tħallew jidħlu bil-bini ta’ Kastilja fit-3 ta’ filgħodu. Sabu ma’ wiċċhom prim ministru li wieġeb biss erba’ mistoqsijiet meta kellu fejn iwieġeb 4000.
Biex jevitaw li jiġu wiċċ imb’wiċċ mal-ġurnalisti, il-ministri mxew ‘il barra mis-Sala tal-Ambaxxaturi waqt li l-ġurnalisti inqaflu fil-kamra minn manigoldi liebsin ilbies tad-ditta TheNorthFace, id-ditta favorita ta’ Joseph Muscat.
Kemm ilu li xxandar il-filmat, dawn il-manigoldi sirna nafu min huma.
Il-Facebook account ta’ Mark Gauci tikxfu bħala wieħed minn dawk li jixgħelu x-xemgħat lix-xbiegħa ta’ Joseph Muscat. Il-bieraħ, lil Paul Caruana Galizia dan żammu milli joħroġ mis-Sala tal-Ambaxxaturi. Fil-Facebook Mark Gauci rrepeta l-gideb li dawn ta’ sikwit iħobbu jirrepetu dwar il-laptop u dwar ħabi ta’ provi dwar il-qtil t’ommhom. Lil Daphne Caruana Galizia jirreferi għaliha bħala “dik il-kerha” u jistaqsi lil uliedha orfni jekk kienitx issegwi l-pornografija fil-laptop tagħha u li forsi kien għalhekk żammewh f’idejhom.
Hawn oħra. Dan hu Leli l-McKay li kien issemma’ minn Sammy Meilak bħala wieħed mill-“aristokrazija tal-ħaddiema” u manigoldi vjolenti oħrajn bħal Joe il-Ġambu, Johnny Bondin il-Fusellu, Ninu Carabott it-Toto, il-Ħanini, il-Piccolin u l-bella kumpannija.
Il-bieraħ xi ħadd stqarr li erġajna lura għas-snin tmenin.
Xi jgħid Leli l-McKay?