Meta l-assistent ta’ kap ta’ gvern ta’ pajjiż demokratiku jinkixef li kien imdaħħal f’konfoffa biex iseħħ assassinju, tkun ħaġa ta’ barra minn hawn li l-istess kap ta’ gvern – anki ta’ gvern dittatorjali – jibqa’ f’postu. Meta Macbeth qatagħha li joqtol avversarju li kien ta’ theddida politika għalih, ma kienx bgħat lis-suldati tiegħu biex joqtluh biex b’hekk ma jagħtix fastidju lill-ħbieb tal-vittma. Biex qatlu, qabbad lill-assassini bil-moħbi.

Ir-reġim li qed jaħkem fuq pajjiżna kien qabbad assassini bil-moħbi sabiex jelimina dak li kkunsidra bħala l-akbar problema politika li kellu. Iżda dak li ppruvaw jaħbu, issa beda’ jinkixef.

Joseph Muscat ukoll jidher determinat li jibqa’ jixref fil-wiċċ. Madankollu ma jidhirx li qed jagħmel sforz kbir biex jara li ma tintemmx ħesrem il-ħajja politika tiegħu.

X’inhu r-raġuni l-għala Joseph Muscat ma weriex rabja u sogħba li l-assistent tiegħu kien imdaħħal fl-assassinju ta’ Daphne? X’inhi r-raġuni li mhuwiex jesprimi l-iskantament u s-sorpriża tiegħu dwar dak li l-Pulizija qed isostnu li wettaq Keith Schembri? X’inhi r-raġuni li ma wera’ ebda sogħba li l-gvern u r-riżorsi li għandu kienu ntużaw biex jitwettaq dak li kien sejjaħ bħala “attakk fuq id-demokrazija tagħna” dakinhar li ġiet assassinata Daphne?

Bħalissa jmissu qed ixerred id-dmugħ tal-kukkudrilli. Mhux għaliex ser ikun hemm min jemmnu meta jibqa’ jinsisti li ma kellu ebda idea x’kien qed jinħema’ minn Keith Schembri. Iżda għallinqas wieħed m’għandux jistenna li għandu jagħmel xi ftit ta’ sforz biex jikkonvinċina? Ma jmissux qed igħidlina li sinċerament ma kienx joħlom li l-akbar investigazzjoni polizjeska li tant ftaħar li għandha r-riżorsi kollha meħtieġa kellha tasal sal-għatba tal-uffiċċju tiegħu?

Dawn il-mistoqsijiet ma kellhomx isiru biss minn Joseph Muscat.

Kellhom isiru wkoll minn dawk il-kapurjuni Laburisti kollha li kienu ppużaw ma’ Keith Schembri f’dawk ir-ritratti kollha: il-ministri, id-deputati parlamentari, l-uffiċjali, il-ħaddiema tal-partit, il-partitarji primi u l-attivisti kollha li lkoll kien mingħalihom li Keith Schembri kien bniedem mibgħut minn Alla biex ikisser lin-nazzjonalisti  – fejn huma l-iskantament u s-sogħba tagħhom?

Dawn x’inhuma jistennew biex jiddisassoċjaw ruħħom minn mal-korruzzjoni u minn mal-qtil?

Joseph Muscat għadu qed jieħu n-nifs. Qed jieħu nifs twil biex iħejji ruħu għall-attakk u biex jipprova jżomm fil-wiċċ. U l-Partit Laburista (mhux neċessarjament dawk kollha li jivvutawlu regolarment) jidher li huwa lest li jibqa’ jsostnieħ.

Lestu ruħkom. Ġaladarba dawn ma jiddejqu xejn li jkunu assoċjati ma’ suspettat qattiel,  mhux ser jiddardru jekk jaslu biex joqtlu wkoll.