Il-legat tiegħek, Joseph Muscat, huwa illi llum għandna nofs popolazzjoni lluppjata.
Dan għamiltu bix-xandiriet tal-mistħija mimlija gideb sfaċċat u promessi ta’ ġid bla rażan, meta fill-fatt l-intenzjoni aħħarija tiegħek kienet waħda biss: Li taħtaf kull ma ssib quddiemek akkost ta’ kollox u li kull mezz, hu x’inhu, ħażin kemm hu ħażin, jiġġustifika dan l-għan aħħari li kellek.
Biex tilħaq dan l-għan mingħajr ħafna intoppi, dawwart lilek innifsek b’ċorma ċwieċ, li ma jiqfulekx, jibżgħu minnek u jħalluk tagħmel li trid.
Kien importanti wkoll li tkompi tagħlef dak kollu li jiddividina u tmewwet bil-ġuħ dak kollu li jgħaqqadna.
Il-mibgħeda li hawn illum, kienet parti mir-roadmap. Kemm ili ħaj u sa fejn twassalli l-memorja, qatt ma rajt mibegħda hekk f’pajjiżi.
Ġibt lil Maltin jobgħodu lil Maltin ħuthom tant, li ħriġthom fit-toroq jiċċelebraw il-qtil ta’ waħda minnhom.
Żrajt żerriegħa ta’ ħażen tant li dan il-qtil dawwartu f’ċajta pastaża, li bil-barka tiegħek, jirrepetuha u kif jerġgħu jisimgħuha, jinfaqgħu jidħku u jogħxew. Iżejjnuha kull ma jmur, din iċ-ċajta u jżebilħu persuna mejta, ċittadina bħalek, b’ċajt iktar goff u oxxen.
Ivvintajt storja li webbilthom, lill-boloh li jisimgħu lilek u lil dak il-pulċinell li timpjega u li ried jixgħellek ix-xemgħa, li kienu uliedha stess, illi poġġewlha bomba u qatluha lil ommhom.Daqshekk waqajt fil-baxx.
Issa li dawn in-nies li lluppjajt, qed jisimgħu li l-ordni kapaċi ħarġet minn wara l-iskrivanija tiegħek, mhux talli mhux qed jirrabbjaw, talli qishom kburin bik li kellek il-kuraġġ li ma’ sħabek tiddeċiedu li tgħolluha.
Ma jeżistix saff ibgħax minn dak li waqajt fih, Joe. Ieqaf ħaffer.
Is-siegħa tiegħek waslet issa. Ma tista’ twaħħal f’ħadd issa.
Dan hu l-legat li ħallejt warajk. Daphne kellha raġun dwarek.
Mur għidlek li kellek tispiċċa hekk. Minn dik il-glorja kollha.