Il-lejla l-prim ministru, hu u jinsaq lejn id-dar mix-xogħol, jmissu jagħti daqqa t’għajn lil dan l-artiklu li xxandar fil-World Politics Review. Dan l-artiklu kitbu Nate Sibley, uffiċjal tal-riċerka fil- Hudson Institute’s Kleptocracy Initiative. L-informazzjoni dan ma jgħaddiehilux David Casa. Skond il-biografija tiegħu, Sibley kiteb żewġ Hudson Institute Reports li xxandru f’The Washington Post, The Wall Street Journal, The Hill u oħrajn.
Nate Sibley lill-prim ministru l-ġdid jagħtih il-parir li ġej: “il-gvern il-ġdid ta’ Malta għandu jara li ssir ġustizzja mal-qattiela ta’ Caruana Galizia, mhux biss f’ġieħ il-familja mnikkta tagħha iżda wkoll sabiex tissewwa’ r-reputazzjoni storika tal-gżira bħala stat demokratiku li jirrispetta s-saltna tad-dritt. Il-gvern għandu wkoll jaħdem b’urġenza ma’ Brussell biex jitwettqu riformi istituzzjonali li jiżguraw li jkun hemm salvagwardji kontra l-ħasil tal-flus li jħarsu lill-Ewropa kollha — u wkoll biex ikun hemm aktar sigurtà għal dawk l-istati membri li jeżiġu kontabilità mill-mexxejja tagħhom.”
La waqt il-kampanja tiegħu u lanqas waqt l-“indirizz lin-nazzjon” mill-uffiċċju l-ġdid tiegħu, Robert Abela ma tkellem xejn dwar dan is-suġġett.
Jeħtieġ li jkun hemm bidla. Il-pajjiż jeħtieġha.