Għandna gvern ġdid li ma jinkludix fih lil Joseph Muscat, Chris Cardona, Konrad Mizzi, Keith Schembri u Neville Gafà. Ċertament dawn għadhom qed jimirħu x’imkien fil-kuriduri tas-setgħa iżda s-saħħa li kellhom tnaqqsitilhom drastikament. Mhux biss, iżda Owen Bonnici m’għadux ministru tal-ġustizzja u Michael Farrugia m’għadux ministru tal-pulizija.

Is-soċjetà ċivili kienet ħadmet qatigħ biex iseħħ dan it-tibdil u minn Ottubru 2017 ‘l hawn tista’ tgħid li sejjħet protesti kull ġimgħa. Se jkun hemm aktar protesti fil-ġejjieni u għalissa ċertament m’għandniex għalxiex niċċelebraw.

Immaġinaw li kieku għadna fix-xahar ta’ Awwissu 2019. Mur għidilna li sa sitt xhur wara, Muscat, Cardona u Mizzi ma kellhomx jibqgħu fil-kabinett.

Lanqas titwemmen kif uħud jinsabu f’estasi ta’ tifħir għal Robert Abela minħabba d-deċiżjonijiet li ħa s’issa. Uħud isibuha diffiċli biex ma jaqgħux għat-tentazzjoni u għall-vizzju li lill-politiċi jarmawlhom in-niċeċ u jixgħalulhom ix-xemgħat anki meta dawn jagħmlu dak li jkun minn ewl id-dinja u li jkun mistenni minnhom.

Minkejja d-diskors uffiċjali kollu dwar kontinwità u li l-Partit Laburista m’għandux għalxiex jitlob skuża, anki  Robert Abela ntebaħ li ta’ qablu tilef is-setgħa għax kien daħħal lilu nnifsu fi sqaq. U l-isqaq li kien qiegħed fih għamel tabirruħu li ma jeżistix.

M’għandniex xi ngħidu, għad hemm problemi kbar u Robert Abela illum ħabbar xi deċiżjonijiet li għad jiddispjaċih li ħadhom.

L-agħar deċiżjoni kienet dik li jaħtar lil Edward Zammit Lewis bħala ministru tal-ġustizzja. Il-lejaltà għamja li għandu Edward Zammit Lewis fil-konfront ta’ Joseph Muscat li waħda kważi patoloġika. Nhar il-Ġimgħa, tgħidx kemm inxtered dmugħ meta Joseph Muscat għamel l-aħħar diskors tiegħu. Tgħidx kemm kien hemm bews u tgħanniq minn min forsi kien jippreferi li ma kienx preżenti. Iżda l-ispettaklu li ħoloq Edward Zammit Lewis – li għal ftit ma bediex jagħti fuq wiċċu u jqatta’ xagħru bin-niket li kellu fuqu – kien jixbaħ dak li jiddeletta jagħmel Kim f’xi funeral fi Pyongyang.

Zammit Lewis ilu għal snin twal iservi tal-kelb tal-but ta’ Joseph Muscat. Dan huwa wieħed minn fost klikka ta’ bażużli u lagħqa – klikka li tinkludi lil Paul Apap Bologna li kien il-moħħ wara l-Electrogas –  li spiċċat biex politikament qerdet lil Joseph Muscat.

Bħala ministru tat-turiżmu, Edward Zammit Lewis kien ħallas miljun ewro bi ‘sponsorship’ lil linja tal-ajru Vistajet (linja tal-ajru li ma tgħabbix turisti) ġimgħa biss wara li ajruplan minn tagħhom tar mingħajr passiġġieri lejn Baku minn Malta dakinhar stess li Daphne Caruana Galizia kienet xandret storja li fil-Pilatus Bank kien hemm provi dokumentati tal-korruzzjoni ta’ Joseph Muscat u ftit siegħat biss wara li sid il-bank Ali Sadr Hasheminejad – minn dakinhar ‘l hawn dan qed jistenna’ li jgħaddi ġuri dwar frodi fl-Amerika – intlemaħ joħroġ żewġ bagalji inkiss inkiss mill-bieb ta’ wara tal-bank fis-satra tal-lejl. Edward Zammit Lewis kien jaf dakinhar minn min kellu jieħu l-ordnijiet.

Issa d-dikasteru tal-ġustizzja tant ineffiċjenti li għandna, jinsab f’idejh. Kif bi ħsiebu jmexxi r-riforma tal-ġudikatura kif rakkomandata mill-Kummissjoni ta’ Venezja u minn oħrajn?  Kemm ser ikollu ħeġġa li jwaqqaf ir-reżistenza għar-riformi li kellu l-gvern li għadu kemm spiċċa? Kull entużjażmu li jista’ jkollu biex iwettaq riforma istituzzjonali kif suppost ser ikollu jwieżinha mar-riskju li ġudikatura tassew indipendenti tasal biex issib tarf tal-alla tiegħu Joseph Muscat u tipprova ssewwi l-ħsarat li kkaġunaw 6 snin ta’ gvern li skont Edward Zammit Lewis fihom saru l-mirakli.

Il-ministru l-ġdid tal-pulizija huwa Byron Camilleri li qatt ma kellu kariga ministerjali. Għad irridu niskopru dan il-bniedem x’isarraf iżda nafu li kien il-whip tal-grupp parlamentari Laburista li kien ta vot unanimu ta’ fiduċja lil Joseph Muscat fi żmien li fih ir-riżenja tiegħu mill-gvern beda’ jidher dejjem aktar inevitabbli f’moħħ kulħadd, mid-dehra ħlief għal Byron Camilleri u għal sħabu.

Tgħid dan Byron għandu l-kredenzjali meħtieġa biex iwettaq riforma sħiħa fil-korp tal-pulizija, biex jiggarantixxi l-awtonomija tal-korp mill-influwenza tal-politiċi u biex isaħħaħ it-tmexxija tiegħu mil-lat professjonali? Li kieku kellu juri l-ħila li jagħmel dan kollu, dawk li l-pulizija ilha tgħattilhom xturhom għal tliet snin sħaħ jistgħu jistennew li jintlaħqu mill-id tal-liġi? Tgħid Byron Camilleri – bniedem li jaf l-eżistenza politika tiegħu lil Joseph Muscat – ikun lest li jnaqqas drastikament il-kontroll politiku li ta’ qablu kellu fuq il-korp sabiex b’hekk ikun kapaċi jasal biex saħansitra jinvestiga lill-eks imgħallem tiegħu?

Kien pass tajjeb li ras Michael Farrugia iddabbret mill-ministeru tal-intern. Niftakar li dakinhar jew ftit jiem wara li nqatlet Daphne Caruana Galizia kont tlabt ir-riżenja tiegħu. Minn dakinhar ‘l hawn żelaq fin-niexef meta lil stazzjon tat-televiżjoni Taljan qallu li l-arrest tal-imħuħ wara l-assassinju kien imminenti meta fil-fatt l-arresti spiċċaw biex seħħew madwar sena wara. U l-arresti ma seħħewx bis-saħħa tiegħu.

X’tassew tfisser il-ħatra ta’ Byron Camilleri?

Għandna għalxiex inkunu ottimisti?

Robert Abela u l-ministri tiegħu jippretendu li għandna nibdlu l-attitudni tagħna fil-konfront tal-gvern u nibdew nobdu, ninkinaw u nsegwu. Madankollu jeħtieġ li niftakru li dan huwa l-istess Partit Laburista, l-istess grupp parlamentari  u l-istess membri parlamentari li qed jiggvernaw lill-pajjiż b’id waħda u jisirquh bl-id l-oħra.

Dan għandna dejjem inżommuh f’moħħna.

Kien hemm bidla waħda li nisslitli dieqa. It-tneħħija ta’ Owen Bonnici mill-Ministeru tal-Ġustizzja kien pass tajjeb iżda l-ħatra tiegħu bħala Ministru tal-Edukazzjoni kien pass ħażin.

It-tmexxija tiegħu tad-dipartiment tal-kultura kien diżastru u ċertament m’għandux il-ħiliet li jippretendi li għandu. Jeċċella fil-medjokrità li twaħħax u għan-nuqqas ta’ immaġinazzjoni, sens komun u enerġija.

Huwa bniedem patetiku li, bħal Edward Zammit Lewis, ġab ruħu bħallikieku kien it-tewmi ta’ Joseph Muscat. Bħala ministru kemm il-darba ndaħal fi proċeduri li ma kienux jesgħuh bl-iskuża fjakka li huwa kien ukoll l-avukat personali ta’ Joseph Muscat barra l-Ministru tal-Ġustizzja tal-pajjiż.

Ma nistax nifhem kif bniedem b’rekord medjokri bħal dan hemm min jikkunsidrah bħala wieħed kwalifikat biex imexxi l-ministeru tal-edukazzjoni. Hu u jħares l-edukazzjoni ta’ wliedna, se jkun il-qaddis patrun tal-medjokrità nazzjonali.

Waħda tal-aħħar. Dan il-kabinett huwa kbir fin-numru u l-akbar kabinett li qatt kellha Malta. Għalissa mhux qed nilmenta dwar in-numru mdaqqas ta’ ħaddiema tal-ministeri, tal-karrozzi uffiċjali, tal-uffiċċji u ta’ dawk li jaħdmu ma’ “tal-kastimerker” li se jkunu qishom isqra fuq l-elettorat speċjalment meta jiġu biex iċemplu u jistaqsu li “il-ministru saqsik għandekx bżonn xi ħaġa, ħi.”

Iżda hemm riforma li ġiet rakkomandata mill-Kummissjoni ta’ Venezja u entitajiet oħra, liema rakkomandazzjoni Robert Abela jidher li njoraha. Il-membri tal-grupp parlamentari Laburista huma kważi lkoll impjegati mal-gvern.  Il-parlament tagħna huwa sottomess għall-gvern. Is-sitwazzjoni ma kienitx dejjem kif inhi llum. Għal snin twal, gvernijiet kellhom biżżejjed membri parlamentari li minn fosthom setgħu jintgħażlu l-ministri u l-bqija kienu jappoġġjawhom u jgħadduhom minn skrutinju fl-istess ħin.

Issa jidher li l-maġġoranza kbira li tal-Labour għandhom fil-parlament hi determinata li ma tagħmilx ix-xogħol li suppost qiegħda hemm biex tagħmel.

Jekk tal-Labour il-Parlament iriduh biss għaċ-ċerimonji, ma jmisshomx jabolixxu lill-istituzzjoni u jibdew jikru s-sala tal-parlament għat-tiġijiet? Wara kollox, Michelle Muscat għandha mnejn teħtieġ impjieg ġdid.