Minn fuq it-televiżjoni llum il-prim ministru stqarr li “dwar il-governanza tajba, huwa lest li jitkellem bl-istess lingwaġġ ta’ Repubblika”. L-unika ħaġa pożittiva li nista’ nislet minn din l-istqarrija hi li l-gvern il-ġdid qed jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ Repubblika – ħaġa li l-gvern li kellna sal-ġimgħa li għaddiet qatt ma wasal biex jagħmilha.
Repubblika issa jidher li m’għadhiex “setta”, “erba’ qtates”, “erba’ anarkiċi”, “il-fazzjoni ta’ kontra Adrian Delia”, “is-segwaċi ta’ Simon Busuttil” u “l-klikka ta’ Daphne” jew “segwaċi ta’ Daphne”. Mill-ġimgħa li għaddiet ‘l hawn, Repubblika saret organizzazzjoni li magħha l-prim ministru tal-pajjiż jitkellem bl-istess lingwaġġ. Din l-istqarrija tal-prim ministru ma nsibuhiex partikolarment kumplimentuża.
L-użu tal-lingwaġġ ma tantx kien wieħed problematiku, hux hekk? Joseph Muscat, Owen Bonnici u l-bqija għamlu madwar sentejn jinsistu li “l-istituzzjonijiet tagħna qed jaħdmu” u li kien jiddispjaċiehom li Daphne nqatlet, u li kienu “mpenjati li jwettqu r-riformi rakkomandati mill-Kumissjoni ta’ Venezja”. Meta kien jaqblihom, kienu jlissnu kliem li jdoqq għall-widnejn iżda meta ġew għall-fatti qalulna li “milli għidna m’hemm xejn”.
Ħlief għal-lum, Robert Abela qatt ma “tkellem bl-istess lingwaġġ ta’ Repubblika”. Tant kien wera’ indifferenza għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia li qatt ma lissen kelma dwar is-suġġett. Kulma għamel kien li kkritika lill-ulied imnikktin tagħha talli dawn kienu ażżardaw li jfittxu parir legali biex ikunu jistgħu jħarsu d-drittijet fundamentali tagħhom. U waqt il-kampanja tal-elezzjoni għal mexxej, wera’ n-nuqqas ta’ tolleranza tiegħu mal-protesti pubbliċi.
Issa li qed jitkellem bl-istess lingwaġġ tagħna, tgħid ser “jittollera” aktar lis-soċjetà ċivili?
Ma jkunx aħjar jekk, minflok jitkellem biss bl-istess lingwaġġ ta’ Repubblika dwar is-saltna tad-dritt, jibda’ jieħu inizjattivi biex is-saltna tad-dritt terġa’ tieħu r-ruħ?
X’kienet ir-raġuni li warrab il-pariri tal-Kunsill tal-Ewropa biex titħares l-indipendenza tal-leġislatura meta ħatar fil-kabinett il-biċċa l-kbira tal-membri parlamentari tal-partit tiegħu? Bi ħsiebu jordna lill-ministri tiegħu jnaqqsu drastikament ir-reklutaġġ ta’ persuni f'”ħatriet ta’ fiduċja”? Bi ħsiebu jibqa’ lura milli jagħmel użu minn email accounts personali kif ukoll minn data storage services għax-xogħol tal-gvern u jordna lill-ministri tiegħu jagħmlu l-istess?
Dawn huma miżuri favur il-governanza tajba li lkoll jistgħu jitwettqu minn din il-ġimgħa stess.
Ma jmissux il-prim ministru jirrikonoxxi r-responsabbiltà u nuqqasijiet tal-istat fil-ħarsien ta’ ħajjet Daphne Caruana Galizia? Ma jmissux jiskuża ruħu mal-familja tagħha għall-mewt tagħha u għan-nuqqas tal-istat li jagħmel dmiru qabel inqatlet u minn dakinhar li nqatlet ‘il quddiem?
Biex tassew inkunu nistgħu nifhmu l-intenzjonijiet tiegħu, mhux importanti l-kwalità ta’ lingwaġġ li jagħmel użu minnu Robert Abela. Repubblika għandha l-ħila li tagħraf il-verità u l-ġustizzja ikun x’ikun il-lingwaġġ li jiġi użat. Repubblika tirrikonoxxi li l-gvern bidel id-diska. Iżda tirrikonoxxi wkoll li dan huwa l-istess gvern li sa ftit ilu kien jinjorana, jgħajjarna u jintimidana.
Il-kliem biss ma jimpressjonana xejn. Li rridu naraw mingħand il-prim ministru huma l-azzjonijiet u l-fatti.
U issa ġaladarba li qed nitkellmu bl-istess lingwaġġ, ma jmissux iwieġeb għall-mistoqsijiet li konna għamilnilu waqt il-kampanja għall-ħatra ta ‘ mexxej tal-partit?
Hawn huma l-20 mistoqsija. Tweġiba ta’ “iva” jew “le” tkun biżżejjed.
- Bi ħsiebek tniedi inkjesta pubblika u indipendenti dwar il-kuntratti kollha marbutin mal-power station il-ġdida u tkun lest li xxandar ir-riżultati tal-istess inkjesta?
- Bi ħsiebek ixxandar il-ftehim kollha (mingħajr tħassir) li kienu saru dwar l-Electrogas, il-Vitals Global Health u Steward Health Care?
- Bi ħsiebek tniedi inkjesta pubblika u indipendenti sabiex jiġi investigat l-isposorship ta’ €1 miljun li kien ingħata lil Vistajet u tkun lest li xxandar ir-riżultati tal-istess inkjesta? Huwa allegat li ftit wara li xxandru l-allegazzjonijiet dwar Pilatus Bank u Egrant, il-Vistajet għamlet titjira minn Malta għad-Dubaj.
- Bi ħsiebek tinvestiga l-proċess tal-għoti ta’ liċenzja lil Pilatus Bank u lil Sata Bank u tkun lest li xxandar ir-riżultati tal-istess investigazzjoni?
- Bi ħsiebek tagħti l-protezzjoni ta’ whistle-blower lil Jonathan Ferris u lil Maria Efimova sabiex dawn ikunu jistgħu jixhdu dwar dak kollu li jafu dwar il-korruzzjoni, l-ħasil ta’ flus u l-attivitajiet kriminali oħrajn li seħħew?
- Bi ħsiebejk tinvestiga l-amnestiji tat-taxxa kollha (VAT u taxxa fuq id-dħul) li ngħataw fl-aħħar 10 snin u tkun lest li xxandar ir-riżultati tal-istess investigazzjoni?
- Bi ħsiebek tniedi inkjesta pubblika u indipendenti bil-għan li jiġi nvestigat il-proċess tat-trasferiment ta’ dak li kien is-sit tal-ITS u l-għoti ta’ permess tal-bini lid-DB Group u tkun lest li xxandar ir-riżultati tal-istess investigazzjoni?
- Bi ħsiebek tirrevedi l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti?
- Bi ħsiebek tniedi inkjesta pubblika u indipendenti sabiex tiġi nvestigata l-allegazzjoni li uffiċjali għolja tal-pulizija, inkluż Assistent Kummissarju, għadda informazzjoni kunfidenzjali lill-ħaddiema fl-uffiċju tal-prim ministru u lil persuni oħrajn, u tkun lest li xxandar ir-riżultati tal-istess investigazzjoni?
- Bi ħsiebek tniedi investigazzjoni dwar jekk kienx hemm dewmien fl-għoti tal-permessi lis-servizz tas-sigurtà ta’ Malta biex dawn iknu jistgħu jinterċettaw diskorsi telefoniċi marbuta mal-investigazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u tkun lest li xxandar ir-riżultati tal-istess investigazzjoni?
- Bi ħsiebek tniedi investigazzjoni biex insiru nafu min hu sid il-kumpannija Macbridge, u tkun lest li xxandar ir-riżultati tal-istess investigazzjoni?
- Bi ħsiebek tniedi investigazzjoni dwar l-abbozzar, l-applikazzjoni u l-impatt tal-politika tal-ippjanar marbuta mar-Rural and Agricultural Policy, it-Tall Buildings Policy u l-Fuel Stations Policy, u tkun lest li xxandar ir-riżultati tal-istess investigazzjoni?
- Bi ħsiebek tniedi inkjesta pubblika u indipendenti dwar id-direct orders li ngħataw lil kumpanniji li s-sidien tagħhom huma membri tal-parlament, ħaddiema f’ministeri u l-familji tagħhom? Tkun lest li xxandar ir-riżultati tal-istess inkjesta?
- Bi ħsiebek tniedi investigazzjoni dwar il-ftehim riċenti li ntlaħaq mal-Manchester United u tkun lest li xxandar ir-riżultati tal-istess investigazzjoni?
- Bi ħsiebek tniedi investigazzjoni dwar id-direct orders li ngħataw għal servizzi tal-IT services fil-ħabs u għas-servizzi tas-saħħa pubblika, u tkun lest li xxandar ir-riżultati tal-istess investigazzjoni?
- Bi ħsiebek tniedi investigazzjoni dwar il-ħidma ta’ Brian Tonna f’Kastilja u tkun lest li xxandar ir-riżultati tal-istess investigazzjoni?
- Bi ħsiebek tniedi investigazzjoni dwar l-ingaġġar ta’ ħaddiema mal-gvern maturl il-kampanja elettorali tal-2017 u tkun lest li xxandar ir-riżultati tal-istess investigazzjoni?
- Bi ħsiebek tniedi investigazzjoni dwar permessi tal-bini li kienu ġew approvati matul il-kampanja elettorali tal-2017 u tkun lest li xxandar ir-riżultati tal-istess investigazzjoni?
- Bi ħsiebek tniedi investigazzjoni dwar il-promozzjonijiet li saru fil-Forzi Armati ta’ Malta matul il-kampanja elettorali tal-2017 u tkun lest li xxandar ir-riżultati tal-istess investigazzjoni?
- Bi ħsiebek ixxandar il-ftehim li ntlaħaq ma’ Chelgate, u tkun lest li tagħti rendikont sħiħ tax-xogħol li sar minn din il-kumpannija għan-nom tal-gvern ta’ Malta?