Mid-dehra mhux ser ikun hemm il-kontinwità li kien qed jippretendi Neville Gafà għalih innifsu. Times of Malta qalet li llum ta r-“riżenja” tiegħu. X’aktarx m’għaddielux minn moħħu li kien ser ikollu jagħmel dan. Sal-bieraħ meta Robert Abela ħa l-ġurament tal-ħatra bħala prim ministru, kien qisu xi pagun għaliex ħaseb li x-xilep kien ġewwa.

Jidher li dalgħodu xi ħadd tah daqqa ta’ sieq ‘il barra. Jista’ jkun li l-parir li tajt lil Robert Abela biex inaqqas sostanzjalment is-700 person of trust għadu ma ġiex aċċettat u allura ninsabu ferm ‘il bogħod mill-progress li huwa mixtieq f’dik li hi governanza tajba.

Iżda jkun dejjem aħjar meta xi ħadd bħal Neville Gafà ma jibqax jimraħ f-uffiċċji governattivi. Ma nimmaġinax li ser jerġa’ lura bħala impjegat f’ħanut tan-nuċċalijiet u wisq nissuspetta li Keith Schembri se jsiblu x’jagħmel.

Grima Wormtongue sab bejta ġdida.

Nittama li l-pulizija lil dan l-imbierak ma tibqax tittrattah bl-ingwanti. Fil-Libja ħalla għadd ta’ vittmi warajh  u dawn jistħoqq li ssir ġustizzja magħhom.

U f’Malta huwa magħdud fost dawk li jafu sew Keith Schembri x’ikewwes fihom il-borom tiegħu. Għandu jikkunsidra li jikkopera mal-pulizija biex b’hekk isalva ġildu.

Xi ħadd qalli li Neville Gafà ndanna u ħa għalih bil-kbir meta fil-blog tiegħi semmejtu b’laqmu: il-“Pitirross”. B’dan il-laqam isibuh sħabu u wħud minnhom tgħidx kemm kienu jgħaddu ż-żmien bih minn wara dahru.

U allura beda’ jitkixxef biex jara’ min kien dak li kixef dan il-laqam. Sa dakinhar li l-kastell tagħhom spiċċa biex iġġarraf u sar irmied, kien għadu ma rnexxielux isir jaf din il-persuna min hi.

Xi drabi nħossni ngħoxa nikteb hawn.