Neville Gafà hu wieħed mill-mistednin tal-unur għaċ-ċerimonja tal-ħatra ta’ Robert Abela. Jidher li l-prim ministru l-ġdid irid juri lil kulħadd li Keith Schembri – kif ilu għal diversi snin – ser jibqa’ dak il-bniedem li l-liġijiet tal-pajjiż li jgħoddu għal kulħadd, għalih ma jgħoddux. Robert Abela m’għandux jitlaq jiġri bl-impressjoni li – għaliex għadu ġdid – se nġibu ruħna miegħu bl-ingwanti.

Araw x’kiteb ir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Malta, Pieter Omtzigt. Dan wissieħ b’mod ċar li l-Ewropa għadha qed tistenna’ tweġibiet għall-mistoqsijiet li kienu saru lill-prim ministru ta’ qablu dwar ir-riformi urġenti li jeħtieġ li jitwettqu sabiex tissewwa’ s-saltna tad-dritt f’Malta.  Pieter Omtzigt lil Robert Abela kitiblu dan li ġej: “Nifraħ lil Dr Abela għall-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru ta’ Malta. Bis-saħħa tal-gvern il-ġdid, hemm it-tama li Malta tkun tista’ ġġib fit-tmiemhom it-tensjonijiet riċenti li tant għamlulha ħsara u li tibda’ ssewwi r-reputazzjoni internazzjonali tagħha.”

“Il-komunità internazzjonali tinsab imħassba ħafna bid-difetti sistematiċi u strutturali li Malta għandha fis-saltna tad-dritt. L-istituzzjonijiet Ewropej bħalma huma l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea qed isejjħu għall-implimentazzjoni ta’ livelli Ewropej b’urġenza.”

“Nittama li jkolli l-opportunità li niltaqa’ mal-Prim Ministru Abela dalwaqt biex miegħu niddiskuti l-intenzjonijiet tiegħu dwar riformi li huma meħtieġa u li kienu ntalbu mill-Kummissjoni ta’ Venezja, mill-GRECO u mill-MONEYVAL. Nittama wkoll li nisma’ mingħandu dwar kif il-gvern bi ħsiebu jassigura li ssir ġustizzja dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u dwar kif se jġib l-impunità dwar il-korruzzjoni fi tmiemha.”

Robert Abela qed jibda’ jħoss il-piż fuq spallejh.