Silvio Valletta kien siefer ma’ Yorgen Fenech biex isegwi partita futbol fi żmien meta l-Pulizija, li fi ħdanha kellha lil Silvio Valletta bħala deputat kummissarju, diġà kellha suspett li Yorgen Fenech seta’ kien il-moħħ wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-gvern Malti kien tilef kawża dwar id-drittijiet tal-bniedem li kienet saret mill-familja ta’ Daphne u li fiha kien intqal li l-involviment ta’ Silvio Valletta fl-investigazzjoni kien jammonta għal ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha: dan għaliex bis-saħħa tal-liġijiet li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem, il-gvern jinsab taħt obbligu li jinvestiga delitt dwar qtil mingħajr ma jkun hemm dell ta’ kunflitti ta’ interess. Il-familja ta’ Daphne kien sostnew li l-fatt li mart Silvio Valletta hi membru tal-kabinett u kollega ta’ persuni potenzjalment suspettati bħal Keith Schembri, Chris Cardona u Joseph Muscat iqanqal kwistjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess.

Il-gvern kien appella mis-sentenza iżda kien tilef il-kawża quddiem il-Qorti tal-Appell ukoll.

Issa ejjew inqiegħdu din il-battalja legali, li damet madwar 9 xhur, fil-kuntest tagħha. Meta għall-ewwel darba l-membri tal-familja Caruana Galizia xandru l-parir legali li kienu rċievew mingħand ditta legali esperta dwar kwistjonijiet marbutin mad-drittijiet tal-bniedem, liema parir kien fis-sens li l-gvern għandu jagħti rendikont għad-deċiżjoni tiegħu li jibqa’ jinsisti li l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ ommhom tibqa’ tiġi mmexxija minn Silvio Valletta, l-gvern ħareġ b’attakk sfrenat kontrihom permezz ta’ stqarrija uffiċjali.

Permezz tal-użu ta’ lingwaġġ post-kolonjali, l-gvern kien qal li l-involviment ta’ ditta legali “barranija” kien att imxajtan tal-familja Caruana Galizia.

Il-prim ministru l-ġdid tagħna Robert Abela – li dak iż-żmien kien il-konsulent legali ta’ Joseph Muscat – kien attakka pubblikament lill-familja Caruana Galizia talli dawn kienu talbu parir legali u qal li din l-imġieba kienet tfisser li kien aktar moħħhom li jagħmlu ħsara lill-pajjiż milli li ssir ġustizzja għal ommhom.

Dan kien kumment vili li dak iż-żmien ħafna kienu njorawh għaliex kien biss wieħed minn fost mijiet ta’ kummenti vili li saru minn bażużli ta’ Joseph Muscat. Minn dakinhar ‘l hawn, Robert Abela ma wera’ ebda sogħba.

U issa Silvio Valletta ammetta mas-Sunday Times of Malta li kellu ħbiberija ma’ Yorgen Fenech. Kienu ħobża u sikkina. Tant kienu qaqoċċa li saħansitra siefru flimkien biex isegwu partita futbol. Dan l-ivvjaġġar kollu biex isegwu l-partiti mid-dehra huwa l-ivvjaġġar preferit tal-korrotti. U ta’ Fenech jidher dan l-ivvjaġġar kienu jużawh ta’ spiss biex jindiehsu ma’ min għandu s-setgħa.

Silvio Valletta kien wieħed mill-persuni f’dan l-iskandlu li issa ħalla x-xena. Huwa kien “irtira” mill-korp tal-pulizija u jidher li stenna li ma jibqax jissemma’. Fl-istess ħin, stenna wkoll li jsalva l-ġilda politika ta’ martu bħala ministru tal-gvern.

Dan ċertament m’huwiex aċċettabbli. Il-pożizzjoni ta’ Justyne Caruana bħala ministru tal-gvern m’hi tenibbli xejn. Sakemm m’hix f’pożizzjoni li tistqarr pubblikament li ma kienitx taf li żewġha kien siefer ma’ Yorgen Fenech – u jekk ikollha l-ħila li tistqarr dan, ibqgħu ċerti li ħadd m’hu ser jimminha – ma jista’ jkollha ebda skuża li ppermettiet dan il-kunflitt bejn id-dmir tal-gvern li jiżgura li ssir ġustizzja u l-familjarità ta’ żewġha mal-allegat moħħ wara d-delitt.

Justyne Caruana tibqa’ – illum aktar minn qatt qabel – is-simbolu tal-infiltrazzjoni tal-mafja fl-istat tagħna.

It-tiswija tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna m’għandha x’taqsam xejn. Iżda għandha x’taqsam ħafna t-tnedija ta’ investigazzjoni dwar l-imġieba ta’ Silvio Valletta u tal-kompliċi tiegħu Lawrence Cutajar fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia.

Kull min iġib l-iskuża li Justyne Caruana ħadmet tajjeb bħala ministru ta’ Għawdex ikun qed jargumenta bħal dak li jiskuża d-delitti ta’ Adolf Hitler bis-saħħa tal-fatt li fil-Ġermanija nażista tgħidx kemm kien bena’ toroq tajbin. U minn jidhrilu li hi m’għandhiex terfa’ r-responsabbiltà għan-nuqqasijiet ta’ żewġha jkun qed jinjora l-fatt li, fil-każ ta’ koppja miżżewġa, l-kunflitt ta’ interess tar-raġel hu wkoll il-kunflitt ta’ interess ta’ martu. Għaliex koppja miżżewġa ma jistax ikollha interessi kunfliġġenti jew li jmorru kontra xulxin.

Bosta kienu dawk li qalu li l-ewwel passi li ħa Robert Abela din il-ġimgħa kienu pożittivi. Il-verità hi li dawn kienu passi pjuttost faċli. Kien faċli għalih li jdabbar l-irjus ta’ Mizzi, Cardona, Gafà u Cutajar għaliex xejjen deċiżjonijiet li kien ħa ta’ qablu u li għalihom ma kellux għalfejn jerfa’ r-responsabbiltà.

Illum xort’oħra. Kienet tiegħu id-deċiżjoni li jerġa’ jaħtar lil Justyne Caruana fil-kabinett.

Jekk ma jdabbrilhiex rasha llum, insiru nafu x’ried ifisser meta wiegħed il-kontinwità.

Kien jaf bil-kwalità ta’ salib li jeħtieġlu jġorr. U issa s-salib jeħtieġ li jerfgħu.