F’pajjiż normali fejn wieħed jista’ jassumi li l-prim ministru jkun kommess favur governanza tajba u diċenti, l-istqarrija li ħareġ Silvio Valletta biex jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu kienet isservi bħala l-aħħar musmar fit-tebut politiku ta’ martu. U Justyne Caruana ma kienitx isservi ġurnata oħra bħala ministru tal-gvern.

Issa nafu li, f’April 2018, Ċensu Muscat lill-pulizija kien qalilhom li Melvyn Theuma kien qabbad lilu u lill-aħwa Degiorgio biex joqtlu lil Daphne Caruana Galizia. Dakinhar l-investigatur prinċipali tal-qtil kien Silvio Valletta. Silvio Valletta ma qalx li l-pulizija ta’ taħtu ma kienux qalulu b’dan l-iżvilupp importanti fl-investigazzjoni l-aktar importanti ta’ ħajjtu. Jekk fil-fatt qal hekk, nistenna li ta’ taħtu jkollhom il-kuraġġ li jmeruh fil-beraħ.

Ir-rabta bejn Melvyn Theuma u Yorgen Fenech kienet minn ewl id-dinja. Wieħed ma kellux għalfejn ikun investigatur bil-mustaċċi biex jissuspetta f’sid lukanda (u sid ta’ gid kbir ieħor) li magħha kien jaħdem Melvyn Theuma.

Fl-istqarrija li għamel illum, Silvio Valletta ma ddejjaq xejn iperreċ lilu nnifsu bħala bniedem ċuċ u inkompetenti. Huwa qal li, f’Settembru 2018, ma kellu ebda idea li dak li akkumpanjah biex flimkien isegwu partita futbol kien implikat sa ruħ ommu fi qtil li, sa 4 xhur qabel, kien ilu jinvestiga għal madwar 9 xhur.

Eh le, ma kellek ebda idea, Sur Silvio Valletta?? Fuq din ikollna nmeruk. M’intix ċuċ daqs kemm qed tipprova turina li int.

Int kont il-kap tad-dipartiment tal-investigazzjoni kriminali u uffiċjal tal-pulizija b’esperjenza ta’ ħafna snin. Int kont l-investigatur anzjan fuq 6 każijiet oħra  – qabel dak ta’ Daphne – li fihom kienu splodew karrozzi-bombi u ma kellekx il-ħila tagħmel arrest wieħed.

U minkejja dan, Yorgen Fenech – li kien jiddiletta biż-żwiemel, bil-logħob tal-ażżard u bir-rigali lill-Marigold Foundation – mid-dehra kien jaf ukoll bl-identità ta’ dawk l-assassini li fil-pajjiż jiddilettaw bit-tqegħid tal-bombi.

Melvyn Theuma kien xehed li Yorgen Fenech kien semma’ b’isimhom lill-aħwa Degiorgio meta kien qabbdu biex jorganizza l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-assassini li huma tal-lant ma ssibhomx int u tqalleb il-Paġni Sofor. Il-biċċa l-kbira tan-nies ma tkunx taf b’informazzjoni dettaljata bħal din.

X’kellha x’taqsam ma’ din il-ħbiberija li Yorgen Fenech kellu ma’ Silvio Valletta?

Għal disa’ xhur sħaħ, Silvio Valletta kien igħaddi informazzjoni lill-ġurnalisti dwar dak li suppost kien qed jinvestiga dwar il-qtil ta’ Daphne. Fil-proċess, lill-ġurnalisti kien żvijahom dwar Yorgen Fenech u r-rabta mal-Electrogas u dwar l-implikazzjonijiet dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi. U sal-lum dan jippretendi li għandu jbellagħha li ma kienx jaf li Yorgen Fenech kien taħt suspett. Issa nafu li fil-fatt, kien.

L-investigazzjoni li l-ministru l-ġdid tal-pulizija qalilna llum li se tinbeda’ m’hix dwar xi ġudizzju żbaljat li kien ittieħed minn uffiċjal tal-pulizija li minn dakinhar ‘l hawn irtira mis-servizz. Ir-rabta li għadna kemm sirna nafu biha llum turi li kien hemm uffiċjal tal-pulizija korrott li kien jirċievi r-rigali mingħand il-kriminali u li kien igħattilhom xturhom biex b’hekk jaħarbu mill-ġustizzja.

Din diffiċli ferm li toħroġ minnha martu Justyne Caruana. L-aktar meta diġà nafu bl-allegazzjoni li, f’Diċembru 2017, Keith Schembri kien tarraf lil Yorgen Fenech li min naħa tiegħu kien tarraf lil Melvyn Theuma biex lill-aħwa Degiorgio javżahom li kienu appik ser jinġabru b’arrest mill-pulizija u dan fi żmien meta Yorgen Fenech kien għadu m’huwiex taħt suspett.

Il-feles ta’ bejn Keith Schembri u Silvio Valletta m’hi ħadd ħlief Justyne Caruana.

L-informazzjoni ma tgħaddix biss minn naħa waħda għal naħa oħra u dak li stqarr Silvio Valletta fis-sens li għandu “relazzjoni professjonali ma’ martu” (min jaf x’ried igħid biha din?) ma sserraħ moħħ ħadd.

Sakemm il-pulizija tkompli ssir taf b’aktar informazzjoni, Justyne Caruana ma tistax iżżomm postha fil-kabinett. Ma nistgħux nittolleraw sitwazzjoni li fiha dawk li qed imexxuna llum kellhom l-awtorità u s-setgħa li jaraw li l-qtil ta’ ġurnalista ma jseħħx jew li l-imġieba tagħhom setgħet kienet tali li tassigura li ssir il-ġustizzja.

Minflok, għamlu l-oppost u lil Justyne Caruana ser ikolli ntemmgħalha analoġija li hi kienet temmgħet lil ħaddieħor.

Ma tistax tagħmel tabirruħek li int xi fjura innoċenti meta fil-fatt int m’int xejn ħlief serp li jbejjet taħtha.