Chris Fearne staqsa x’leħen jista’ jkollu l-partit tiegħu kemm il-darba jkollu jagħlaq l-istazzjon televiżiv tiegħu. Mhux talli ma jridx inaqqas il-kontroll tal-partit tiegħu, iżda stqarr li jixtieq jara sehem aktar wiesa’ tal-partit fil-qasam tax-xandir. Qal li l-istampa li xxandar bil-lingwa Ingliża għandha “aġenda kontra l-Partit Laburista” u stqarr li din hi r-raġuni l-għala l-gvern tiegħu huwa mpinġi ikraħ mill-ġurnalisti minn madwar id-dinja.
Agħtu daqqa t’għajn lejn dan il-clip mimli tifħir vojt li xxandar fuq l-istazzjon televiżiv tal-Labour f’attentat biex jiġi glorifikat żmien Joseph Muscat u s-“suċċess” tal-“moviment” tiegħu.
Tul is-snin tal-governanza mnebbħa ta’ Joseph Muscat seħħet xi ħaġa li jsejjħulha bħala “sfida li jsibu ma’ wiċċhom diversi nazzjonijiet” u dan huma u jxandru filmat tal-arrest ta’ George u Alfred Degiorgio fil-Marsa.
Hu proprju fl-isfond ta’ dan il-filmat li ppruvaw ipinġu l-ġrajja tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Filmat li fakkarni f’dokumentarju dwar il-presidenza ta’ George Bush li wera’ xena tat-traffiku fi Brooklyn biex jipprova jnaqqas mill-importanza tal-attakki fuq il-World Trade Centre. Id-differenza tinsab fil-fatt li ċ-chief of staff ta’ George Bush ma kienx sefsef f’widnejn Osama Bin Laden biex igħinu jaħrab mill-arrest. Lanqas ma kien hu li tilef il-mobile nofs siegħa qabel l-arrest tiegħu.
Fil-filmat li xxandar il-bieraħ fuq One TV, saret dik ir-riferenza għall-“isfida li jsibu ma’ wiċċhom diversi nazzjonijiet” biex bħal speċi jgħidu li l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ma kien rilevanti xejn għaliex, minkejja “l-isfidi li jsibu ma’ wiċċhom diversi nazzjonijiet, il-familji Maltin komplew” igawdu mill-ġid u l-flus.
Huwa fatt li anki l-aktar partitarji fanatiċi tal-Partit Laburista privatament ikunu lesti li jammettu li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma kienx biss intervall ta’ inkonvenjenza għal Joseph Muscat. Forsi m’għandhom ebda suspett li kien imdaħħal fit-twettiq tad-delitt jew li pprova jgħattih. Forsi jidhrilhom li ma kienx hu li ppermetta d-delitt li jseħħ u għandhom mnejn qed jaħsbu li xi ħadd wettaq id-delitt biex joħloq il-problemi għall-għażiż Joseph tagħhom li wassluh biex iwarrab qabel żmienu. Iżda ebda wieħed minnhom m’hu ser jaħseb li dawn iċ-ċirkostanzi kollha m’humiex ta’ piż.
Kull telespettatur oġġettiv għandu jintebaħ li l-filmat li xxandar il-bieraħ, li ma kien xejn ħlief attentat propagandistiku sabiex l-impatt politiku tal-ġrajjiet riċenti jiġu njorati u mgħottija, huwa ammissjoni li fil-fatt mhux kollox jinsab għaddej ħarir. Dan il-filmat fil-fatt fakkarni fl-entużjażmu xi ftit żejjed li kienu wrew in-nies fil-pjazza ewlenija ta’ Kiev f’Jum il-Ħaddiem tal-1986, ħamest ijiem biss wara li kien sploda r-Reattur numru 4 tal-impjant ta’ Chernobyl ftit mijiet ta’ kilometri ‘l bogħod. Għamlu sforz kbir biex ibellgħuha li kollox kien ward u żahar meta ċertament dan kien ferm il-bogħod mir-realtà.
Dan huwa frott ix-xogħol tal-propagandisti li jaħdmu fi ħdan il-partit politiċi. Li kieku ma’ kienux jaħdmu fi ħdan il-partit tiegħu, naħseb li dawk li pproduċew il-filmat mimli tifħir għal Joseph kien ikollhom ukoll il-ħila teknika li jipproduċu filmat oġġettiv dwar l-istorja tiegħu.
L-istorja tiegħu hi waħda tassew interessanti. Dan tpinġa bħala t-tama l-kbira tal-Partit Laburista li kien għamel tletin sena mitluf fi sqaq taħt it-tmexxija ta’ Dom Mintoff ta’ wara l-1981, ta’ Karmenu Mifsud Bonnici u ta’ Alfred Sant. Il-partitarji tal-Partit Laburista kellhom fuqhom ferħ ta’ ġenn: fl-1996 kienu daqu xi ftit mis-setgħa iżda din inħatfet minn taħt ħalqhom ftit żmien wara.
Joseph Muscat kien rebbieħ. Mexxa’ ‘l quddiem programm ta’ riforma f’dawk li huma drittijiet tal-omosesswali u ugwaljanza fiż-żwieġ. L-għaks ta’ taħt il-gvernijiet Laburisti ta’ qabel kien sar ħaġa tal-imgħoddi. Deher bħallikieku kollox kien qed jiġih żewġ.
Iżda minn wara l-qoxra tat-tbissim u tal-glorja, l-ħmieġ kien diġà beda’ jinġabar u jiġma’ mill-ewwel ġimgħa li għamel fis-setgħa. Ftit ħafna kienu dawk li kienu jafu fil-patt Fawstjan li kien ftiehem dwaru qabel ħa f’idejh r-riedni tas-setgħa. Ftit ħafna kienu jafu li minn wara l-kwinti kien qed iħallas id-dejn li kien ftiehem dwaru permezz tal-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, tal-liċenzjar tal-Pilatus Bank u tal-ftehim dwar il-power station tal-Electrogas. Ħadd ma ntebaħ bil-mod kif l-“assistent” tiegħu kien telgħalu fuq rasu, kif kien ftiehem kuntratti f’ismu u kif kien stagħna u mela bwietu waqt li żamm lil kulħadd b’ostaġġ.
Ħadd ma kien basar li kien ser ikun hemm ġurnalista kuraġġjuża, determinata u kapaċi li ma setgħet qatt tinxtara’. Il-vjolenza biss setgħet issikkitha u meta nqatlet, l-istejjer tagħha spiċċaw xterdu dejjem aktar mal-erbat irjieħ tad-dinja.
Fil-proċess, Joseph Muscat ma baqax jiġi meqjus bħala s-soċjalista li jagħmel deheb kulma jmiss. Kollegi Ewropej tiegħu tawħ daharhom. Il-ministri tiegħu bdew juru sinjali ta’ disprament. Minn wara l-qoxra tat-tbissim u ta’ wirjiet ta’ għaqda, l-ħmieġ li kien inġema’ inbidel f’kallu iebes. Id-demm ma baqax jiġri fil-vini tal-istruttura korrotta li kienu ħolqu.
Dak li kien it-tama tal-Partit Laburista spiċċa biex sar l-akbar mistħija tagħhom. Id-determinazzjoni bla tarf ta’ Daphne Caruana Galizia baqgħet ħajja wara mewtha. L-enerġija u l-kuraġġ li wriet f’xogħolha ser jibqgħu jidwu għas-snin li ġejjin.
Fl-aħħar mill-aħħar is-sewwa tat damdima lill-akbar għadu tagħha. Għal Fawst kien wasal iż-żmien tal-kontijiet. Mefistofile wasal biex jiġbor dak li hu dovut lilu u Joseph Muscat fl-aħħar jispiċċa trietaq.
Storja bħal din għandha tkun suġġett tajjeb għat-tfassil ta’ dokumentarju. Iżda tistgħu tibqgħu ċerti li l-Partit Laburista dokumentarju bħal ma jxandrux. Mhux għax ma jkunx qed iwassal il-verità iżda għaliex il-verità sservi biex tikxef numru ta’ mistoqsijiet li s’issa għadhom bla tweġiba.
Il-Partit Komunista tgħid għaliex ma kienx ikkanċella ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Ħaddiem ħamest ijiem wara d-diżastru tal-impjant ta’ Chernobyl? Għaliex ma kellux il-ħila jwieġeb għal mistoqsijiet marbuta mad-diżastru. Għaliex seħħ id-diżastru? Kemm hu perikoluż? Għad jerġa’ jseħħ diżastru ieħor bħalu? Min kien approva diżinji tal-impjant?
Li kieku l-Partit Laburista kellu jgħid il-verità kollha dwar Joseph Muscat ikollu jdabbar ras lil dawk kollha tawh l-appoġġ waqt li kien fit-tmexxija tal-gvern u li kienu jafu bil-ħmieġ li kien qed jinġema’.
U biex ikun jista’ jgħatti dan il-ħmieġ kollu, Chris Fearne jeħtieġ li jkollu kontroll assolut fuq il-mezzi tax-xandir. Inkella politikament jispiċċa biex jiżvinta.