Is-sistema tal-għażla tal-mexxej tal-Partit Laburista mit-tesserati – li jkunu qed jagħżlu wkoll il-prim ministru tal-pajjiż – turi kemm hi sistema perversa li timmina lid-demokrazija u teqred il-fiduċja tal-poplu f’dawk li jagħżlu li jservu fil-ħajja pubblika. Permezz ta’ din is-sistema, jirbaħ dejjem l-agħar kandidat.
Dan ġara’ wkoll fir-Renju Unit. U d-dinamika tal-elezzjoni ta’ Robert Abela tixbaħ ħafna dak li seħħ fil-PN bl-elezzjoni ta’ Adrian Delia.
Hawn ukoll, kollegi anzjani fil-kabinett li kienu jafu sewwa dak li kien jeħtieġ li jseħħ, appoġġjaw kandidat wieħed li mbagħad ingħeleb permezz tal-voti tat-tesserati minn persuna li ddaħħlet “minn barra”. U aktar ma nkixfu dellijiet dwar dan il-kandidat, aktar żied fl-appoġġ tat-tesserati.
Robert Abela għandu dellijiet fuqu? Jew aħjar, għandu inqas dellijiet milli għandu Chris Fearne? It-tnejn li huma ma tkellmu kważi xejn dwar il-korruzzjoni li seħħet taħt Joseph Muscat waqt li dan kien għadu fil-kariga. It-tnejn li huma kienu jafu b’dak kollu li kien għaddej u t-tnejn li huma għalqu għajnejhom u għamlu tabirruħom li ma kien qed jiġri xejn. Mhix stqarrija retorika dik li tinsisti li dawk li ma jiġġildux kontra l-korruzzjoni huma korrotti wkoll.
Iżda jekk Chris Fearne huwa bniedem arroganti u mimli bih innifsu, Robert Abela huwa bniedem li mingħalih li huwa destinat biex jogħla mas-smewwiet. Għadu kmieni wisq biex timmaġinaħ jimraħ lil hinn mill-appoġġ dejjaq tan-nies tal-partit.
L-elezzjoni tiegħu tikkonferma li fosthom teżisti mentalità ta’ assedju partiġġjana li sserraħ biss fuq eżerċizzju ta’ propaganda li jixħet il-problemi taħt it-tapit u mhux fuq dibattitu serju u dan bil-għan li l-vantaġġ kbir li tal-Labour għandu fuq il-PN jiġi mħares.