M’huwiex xogħol il-prim ministru ta’ gvern demokratiku li jgħidilna protesta hemmx lokha jew le. Din hi l-kwistjoni ewlenija ta’ battalja importanti li f’dan il-pajjiż ilha tiġi miġġielda għal xi żmien twil u li għadha għaddejja sal-lum. Din hi battalja f’gwerra favur il-libertà tal-kelma.

Jidher li għadna ma fhimniex sewwa fuq liema sisien tistrieħ il-ħajja demokratika.

Il-prim ministru jeħtieġ jifhem li l-uniċi protesti li vallapena jsiru huma dawk li ma jkunu jogħġbuħ xejn. Dawk il-protesti li huma approvati minn dawk li għandhom is-setgħa f’idejhom ma jkunu protesti xejn, iżda jkunu biss wirja tas-setgħa u tal-influwenza tal-istat.

Il-protesti fis-sens demokratiku tal-kelma huma wirja ta’ diżapprovazzjoni fil-konfront tal-politika tal-gvern u jseħħu f’konfront dirett mal-gvern.

Għalhekk meta jseħħu l-protesti, dawn iseħħu meta l-prim ministri ma jkunux kuntenti bihom. Il-fehmiet tal-prim ministri jġorru magħhom influwenza kbira. Is-setgħat tagħhom skont il-liġi kif ukoll l-influwenza kbira li għandhom jiżbqu dawk ta’ ħaddieħor. Madankollu dawn is-setgħat ma jinkludux dawk li jiddeċiedu meta u fejn għandhom jissejjħu l-protesti.

Għaldaqstant mhux importanti x’jidhirlu Robert Abela dwar il-protesta li se ssir il-lejla u l-kritika tiegħu ma kienx hemm lokha għaliex hi forma ta’ indħil fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tal-assoċjazzjoni u tal-espressjoni. Il-prim ministru ma jkunx qed iħares il-libertà tal-kelma bil-fatt li joqgħod lura milli jibgħat pulizija armati bil-gass tad-dmugħ jew bil-pompi tal-ilma. Jew għax jistqarr li se jippermetti l-protesti. M’hemmx lok li hu stess joqgħod jitkellem dwar il-protesta nnifisha.

Xogħolu hu biss li jitkellem dwar is-suġġett tal-protesta u mhux dwar dak li seta’ qanqalha. Per eżempju, dwar x’bi ħsiebu jagħmel dwar it-talbiet tad-dimostranti. U jekk m’hu bi ħsiebu li jagħmel xejn dwar it-talbiet tagħhom, igħid għaliex.

Li kieku ried, Robert Abela seta’ wieġeb lill-ġurnalist li talbuh jikkummenta dwar il-protesta tal-lejla billi spjega kif u għaliex kien ħatar lil Konrad Mizzi biex imexxi delegazzjoni għall-OSCE. Li kieku ried, seta’ spjega x’ser ikunu l-konsegwenzi għal dawk tal-awtorità tat-turiżmu li ffirmaw il-kuntratt oxxen ma’ Konrad Mizzi. Li kieku ried, seta’ tkellem dwar jekk Konrad Mizzi kienx ċeda d-drittijiet tal-kumpens taħt il-kuntratt oxxen li ffirma wara li dan ġie terminat qabel iż-żmien jew dwar jekk il-benefiċċji tat-terminazzjoni tal-impjieg ta’ Konrad Mizzi kienux ġew iritrati.

Li kieku ried, seta’ spjega jekk it-tneħħija ta’ Konrad Mizzi u ta’ Joseph Muscat hix qed tiġi diskussa mill-grupp parlamentari.

Robert Abela għandu kull dritt li ma jaqbilx ma dak kollu li qed nitolbu. Iżda mhux xogħlu li jgħidilna kif u meta għandna neżerċitaw id-drittijiet tagħna li nipprotestaw.

Uħud li kienu pprotestaw magħna f’Diċembru li għadda jidhrilhom li hi ħaġa “stupida” li nipprotestaw illum. Dawn huma tal-fehma li għandna nistennew sakemm il-gvern jiżbalja u li dan hu gvern ġdid li jeħtieġ li jingħata ż-żmien biex isib saqajh. Skont dawn, għadu kmieni wisq biex ngħaddu ġudizzju fuq il-gvern. Qed jagħmlu argument tattiku.

Wara kollox, din kienet ir-raġuni l-għala kien hemm bosta li kienu naqsu li jissieħbu fil-protesti għal 25 xahar sħaħ wara li nqatlet Daphne. Dawn huma l-istess nies li kienu jsemmu l-fatt li l-aħwa Degiorgio kienu ġew arrestati, li kienu jirrepetu l-propaganda tal-gvern li “l-istituzzjonijiet qed jaħdmu” u li ż-żejt kien ser jitla’ f’wiċċ l-ilma mhux minħabba l-isforzi ta’ dawk li kienu qed jipprotestaw.

Uħud minna – jista’ jkun “b’mod stupidu” –  ma ridux li joqgħodu jistennew. Iżda malajr beda’ jidher li l-gvern ma kienx interessat fil-verità. Il-verità kien aktar moħħu biex jostorha.

Robert Abela m’huwiex xi messija li waqa’ mis-sema. Hu wkoll kien stenna għal 25 xahar mingħajr ma insista li toħroġ il-verità u ssir il-ġustizzja. Saħansitra anki meta bdiet ħierġa l-verità, huwa qatt ma kkundanna lil Joseph Muscat jew lil Konrad Mizzi. Għamel bil-maqlub u sal-ġimgħa li għaddiet kien għadu qed jiltaqa’ ma’ Joseph Muscat u jaħtar lil Konrad Mizzi biex imexxi delegazzjonijiet diplomatiċi.

Din hi appuntu r-raġuni l-għala għandna nipprotestaw illum. Tattikament tista’ titqies bħala deċiżjoni “stupida” għaliex bosta huma dawk li għadha ma ħakmithomx ir-rabja li għandna aħna bħalissa.

Il-protesti x’aktarx huma rappreżentattivi ta’ fehmiet minoritarji. Li kieku kienu rappreżentattivi ta’ fehmiet maġġoritarji, kienu jkunu espressi f’kampanja elettorali u aktar tard implimentati bħala politika uffiċjali. Il-protesti jkunu meħtieġa meta l-minoranza tkun trid twassal messaġġ.

Tabilħaqq, xi drabi messaġġ jaf jitwassal aħjar minn persuna waħda li tkun qed tipprotesta weħidha milli mill-folol isteriċi jxejru l-bnadar li l-partiti politiċi xi drabi jafu jiġbru fil-pjazez.

Illum il-mafkar ta’ quddiem il-bini tal-qorti ġie vandalizzat għal darb’oħra. Il-protesta m’hix dwar min huma s-sidien tal-mafkar. Iżda hi espressjoni ta’ minoranza li qed tipprotesta. Il-mafkar jeżisti appuntu għaliex il-gvern ma japprovax l-eżistenza tiegħu u għaliex il-maġġoranza ma taqbilx mas-suġġett tal-protesti.

Il-libertà tal-kelma m’hix qed tinftiehem mhux biss fil-kuntest tad-dibattitu dwar il-protesti kontra l-korruzzjoni u favur il-ġustizzja għal Daphne.

Ikkunsidraw il-kwistjoni riċenti dwar il-karru tal-karnival li bih kien hemm min ried li jiddieħak bl-Arċisqof dwar l-abbużi kontra t-tfal fl-istituzzjonijiet mmexxijin mill-Knisja. Jien, bħal bosta oħrajn, deherli li  ċ-“ċajta” kienet waħda vojta, inġusta u – x’aktarx – libelluża.

L-Arċisqof kellu kull dritt li jgħid li ma kienx kuntent b’dak li kien qed jinħema’ u l-kelliem tiegħu kellu kull dritt igħid li l-Arċiqof kien qed jikkunsidra li jħarrek fil-qorti li min għamel il-karru. Kull min għandu ftit tas-sens moħħu kien jistenna’ reazzjoni bħal din u għandu jifhimha wkoll.

Iżda ma kienx xogħol il-ministru – f’dan il-każ, Josè Herrera – li jindaħal biex jitwarrab il-karru tal-karnival. L-istat m’għandu qatt jagħmilha tal-ġudikant dwar fehmiet anki meta jkun hemm qbil ġenerali dwar kemm huma fqar dawk il-fehmiet. L-istat għandu jindaħal biss biex jitħarsu l-fehmiet li hu stess jista’ ma jaqbilx magħhom.

Forsi wieħed jista’ jargumenta li l-ministru għamel sewwa li ndaħal u dan peress li l-karnival qed jiġi organizzat minn entità tal-istat. M’għandniex xi ngħidu, ħaġa bħal din taf tnibbet diversi mistoqsijiet. Iżda anki jekk huwa meħtieġ li l-istat jorganizza attivitajiet kulturali, m’għandu qatt jindaħal dwar il-kontenut tal-attivitajiet. .

X’għandu x’jaqsam dan kollu ma’ dak li stqarr Robert Abela dwar il-protesta tal-lejla?

Xi kultant ninsew li d-drittijiet fundamentali tagħna jeħtieġ li nħarsuhom kuljum. Meta nagħtu l-appoġġ tagħna lil ministru tal-gvern li jkun ordna t-twarrib ta’ karru tal-karnival li ma nkunux qbilna mas-suġġett tiegħu, nkunu qed nagħtu s-setgħa lill-ministru li jiċċensura dak kollu li ma jdoqqilniex.

Dan kien appuntu l-iżball demokratiku ta’ dawk il-partitarji kollha ta’ Owen Bonnici li kienu ħeġġewh jiċċensura l-protesta dwar Daphne. Dawn ma jafux li d-dritt ewlieni huwa dak tal-libertà tal-kelma u li jekk titneħħa din il-libertà, tkun qed titneħħa għalihom ukoll.

U l-libertà tal-kelma – eżatt bħal-libertà tal-assoċjazzjoni – ikun fiha skop jekk iddejjaq lil ħaddieħor.

Għalhekk, Sur Robert Abela, m’hix affarik biex tgħidilna kif u meta għandna nipprotestaw.

Jogħġbok jew ma jogħġbokx, bi ħsiebna nipprotestaw xorta waħda.