Il-fatt li Konrad Mizzi se jmexxi delegazzjoni parlamentari fl-OSCE biex jitkellem dwar il-libertà tal-istampa u dwar id-drittijiet tal-bniedem mhix ħaġa tad-daħk. Robert Abela mingħalih li għamel xi bravura. Mingħalih li għamel biżżejjed biex itaffi l-garr u biex “inaddaf” sabiex b’hekk ikompli l-mixja fit-triq tal-impunità li kien qabad dak ta’ qablu.

Ħatra għal Konrad Mizzi m’hix biss “kontroversjali”, kif sejjħulha xi ġurnali. Hi provokazzjoni li m’hix se tibqa’ għaddejja.

Lil Konrad Mizzi ma kellux għalfejn jagħtih il-ħatriet. It-twarrib tiegħu mill-Kabinett kellha tkun il-parti l-aktar iebsa. Iżda issa qed jidher li t-trawma li għadda minnha l-pajjiż f’Diċembru u f’Jannar seħħet biss biex l-attenzjoni tad-dinja tiġi aljenata mill-korruzzjoni mnittna li l-gvern tagħna qed jgħum fiha.

Il-ġimgħa li għaddiet, Joseph Muscat irritorna lejn Kastilja, lil Lawrence Cutajar tawh żjieda fil-paga u issa lil Konrad Mizzi tawh ħatra biex imexxi n-nofs tużżana backbenchers li fadlilhom tal-Labour. X’jonqos li nisimgħu issa? Li Chris Cardona ser jaħtruh imħallef? Li Neville Gafà ser jinħatar ambaxxatur għall-Vatikan? Li Kenneth Camilleri se jmexxi d-delegazzjoni Maltija fil-Ġnus Magħquda?

Keith Schembri spiċċa biex ħa l-aqwa premju. Għandu l-Electrogas, l-isptarijiet, il-passaporti u l-kuntratti mċappsin l-oħra kollha biex b’hekk ix-xmara tal-liri tibqa’ tfawwar. U peress li issa m’għadux f’Kastilja, m’għandux għalfejn jibqa’ jitla’ l-qorti għal-libelli. Jista’ jibqa’ jmexxi mill-Mellieħa bil-kumdità kollha u fl-istess waqt ikun jista’ jaqbeż qabżiet lejn il-Libja biex iżomm il-kuntatt mal-ħbieb kuntrabandisti tiegħu.

Kulħadd jista’ jifhem dan kollu x’ifisser. Il-Partit Laburista, li rebaħ żewġ maġġoranzi bla preċedent fuq l-avversarju tiegħu, qed ilesti ruħu għal elezzjoni bikrija oħra. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, Robert Abela qed juri li m’huwiex tassew interessat li “jnaddaf”. Moħħu huwa biss biex jara li l-partit tiegħu jibqa’ kompatt sa dakinhar li jsejjaħ elezzjoni ġenerali li tista’ ttih maġġoranza biex jiggverna għal ħames snin oħra.

Dan huwa eżatt dak li ħaseb li kien ser jakkwista Joseph Muscat fl-2017.

U issa b’Konrad Mizzi fuq quddiem fil-ġlieda favur il-libertà tal-istampa, nistgħu norqdu b’rasna mistrieħa. Nistgħu nserrħu rasna li l-impunità m’hix ser toqtol lil xi ġurnalist ieħor.

Qed tilgħab man-nar, Sur Prim Ministru. Qed tisfidana biex infakkruk li bħalissa aħna ninsabu determinati daqs kemm konna xahar ilu meta lil Joseph Muscat u lill-klikka tal-ħallelin ta’ madwaru ridna nuruhom li ma kienux ser jgħadduha lixxa.

Ilna aktar minn sentejn niġġieldu favur il-verità u l-ġustizzja u mhux bi ħsiebna li nistrieħu għaliex Joseph Muscat iddeċieda li jiżbogħ ftit wiċċu u li jibda’ jissejjaħ Robert Abela.

F’Diċembru li għadda fuq TVM Brian Hansford staqsieni dwar meta kienu ser jieqfu l-protesti. It-tweġiba tibqa’ l-istess: jieqfu dakinhar li ssir ġustizzja.

Il-ġustizzja lanqas għadna bdejna nxommuha.