Stqarrija ta’ Repubblika

IR-RIŻENJA TAL-KUMMISSARJU TAL-PULIZIJA

Ir-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija hija opportunità biex jinbeda l-proċess ta’ riformi u żviluppi meħtieġa fil-Pulizija.

Is-soċjeta’ ċivili ilha sentejn u tlett xhur teżiġi dan. Robert Abela avolja tul dan iż-żmien kollu kien membru parlamentari ma kien lissen l-ebda kelma biex jaqbel magħna. Huwa biss issa li qabel magħna li Lawrence Cutajar ma kellux jibqa’ Kummissarju tal-Pulizija.

Repubblika tagħraf ix-xogħol siewi u dedikat li ħafna mill-Pulizija iwettqu.  Dawn ħaqqhom ir-rispett u l-appoġġ tal-poplu kollu.

Madanakollu l-indħil politiku qawwi li kien hemm f’dawn l-aħħar snin, u sfortunatment l-imġieba ħażina ta’ ftit minnhom, wasslu biex il-korruzzjoni tirrenja, il-maħmuġin jiżgiċċaw mill-ġustizzja u l-pulizija tajba jkunu demotivati.

Repubblika tinsisti li l-proċess tal-ħatra ta’ Kummissarju ġdid għandu jkun gwidat biss mill-ħtieġa li l-aktar persuna kompetenti u onesta tkun identifikata sabiex tmexxi korp tal-Pulizja modern u dixxiplinat iffukat biex biex iħares iċ-ċittadini.

Repubblika teżiġi li bħal ma irriżenja l-Kummissarju tal-Pulizija, l-istess jagħmel l-Avukat Ġenerali Peter Grech. It-tnejn li huma huma l-wiċċ ta’ sistema ta’ ġustizzja li falliet.

Ma nistgħux ma naħsbux f’kemm evidenza intilfet f’dawn l-aħħar 27 xahar u li kieku bħala Kummissarju tal-Pulizija ma kellniex persuna li l-unika mertu li kellha jidher li kienet l-ammirrazzjoni tagħha għal Joseph Muscat, il-kriminali kollha involuti fl-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-korrotti li kixfet sal-lum ikunu qed jagħtu kont lill-ġustizzja.