Illum wara nofsinhar tħabbar li Simon Busuttil ser jinħatar mill-Partit Popolari Ewropew bħala s-segretarju ġenerali l-ġdid tiegħu.
Kariga li tixraqlu.
F’Ġunju 2017 b’xorti ħażina għalina, dan il-pajjiż għażel lil Joseph Muscat u mhux lilu biex ikun il-prim ministru. Meta ngħid “għalina” ma nfissirx lill-PN li fi ħdanu dak iż-żmien kont inħossni komdu. Bil-kelma “għalina” nfisser li dan il-pajjiż warrab it-tmexxija ta’ Simon Busuttil u minflok għażel li jitmexxa minn ħalliel li ma kellux il-ħila li jibqa’ fis-setgħa għal tliet snin wara l-elezzjoni.
Il-pajjiż għad ibati l-konsegwenzi ta’ din l-għażla fis-snin li ġejjin. Kif kien ammetta Chris Fearne stess f’mument ta’ sinċerità mhux tas-soltu li spiċċat swietu l-voti u t-tmexxija tal-partit, tlifna l-fiduċja tal-bqija tal-Ewropa. Madankollu l-problema mhix biss waħda ta’ natura politika. Għaliex minn naħa tagħhom, il-ħallelin li kienu ġew konfermati fis-setgħa f’Ġunju 2017 fetħu t-triq għal ħallelin oħrajn li bdew jgħammru fl-ekonomija tagħna, fl-ambjent tagħna u f’ħajjitna stess.
Fl-2017 Simon Busuttil mexxa’ kampanja kontra dawn il-ħallelin u offra politika nadifa – politika li hu biss seta’ jwettaqha u dan b’kuntrast ma’ Joseph Muscat – ħaġa li saħansitra kienu jammettuha dawk li ma vvutawlux. Tabilħaqq, bosta kienu dawk li vvutaw għal Joseph Muscat għaliex ma ridux politika nadifa. Riedu li jissokta l-ħmieġ fost il-politiċi sabiex dawn ikunu f’pożizzjoni li jakkwistawlhom kull permess tal-bini, impjieg, direct order jew sussidju li xtaqu jew li kienu jeħtieġu.
B’Robert Abela fis-setgħa se nkomplu nagħmlu tabirruħna li kollox miexi ħarir. Il-kliem “m’hawn xejn x’tara hawn” għal darb’oħra saru l-politika uffiċjali tal-gvern u dan kif deher il-bieraħ fl-hekk imsejjaħ diskors lin-nazzjon tal-prim ministru l-ġdid. Waqt li ser inkomplu nixħtu l-problemi tal-pajjiż taħt it-tapit, merħla ta’ ngħaġ tibqa’ xxejjer il-bnadar ħomor u twerżaq il-kliem ‘ma tagħmlu xejn’.
Minn Ġunju 2017 ‘l hawn, komplejna niżlin lejn il-qiegħ. Il-pajjiż spiċċa b’Oppożizzjoni li l-priorità tagħha ma baqgħetx it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u l-ġlieda kontra l-klikka tal-Panama li riedet teqred lid-demokrazija. Hekk kif Adrian Delia ħa post Simon Busuttil, il-marda nazzjonali tal-medjokrità u tal-kompromessi ħakmet ukoll lill-PN.
B’Simon Busuttil mogħti l-ġenb, ħafna kienu dawk li bdew jaqtgħu qalbhom. Għaliex tabilħaqq kull fejn tħares kien hemm, u għad hemm, il-ħallelin.
M’hemmx dubju li Simon Busuttil ukoll bata mill-konsegwenzi tar-riżultat tal-elezzjoni ta’ Ġunju 2017 u mill-iżolament li mpona fuqu Adrian Delia li, meta ra li kien qabillu, ngħaqad f’kompliċità ma’ Joseph Muscat.
Kien żmien li fih il-karriera brillanti Simon Busuttil baqgħet imdendla bejn sema u ilma. Kien riżors uman moħli li seta’ kien il-prim ministru ta’ pajjiż li tant huwa nieqes minn nies li għandhom snajja’ politiċi – pajjiż li, biex jinqeda’, ma kellux il-ħila li jsib persuni aħjar minn Peter Grech bħala avukat ġenerali, minn Consuelo Scerri Herrera bħala mħallef, minn Jason Micallef bħala kbir tal-kultura u minn Lawrence Cutajar bħala kap tal-pulizija. Ċertament m’hix sitwazzjoni pjaċevoli meta tara lill-inkompetenti jieħdu post bnedmin kapaċi u mimlijin talent bħal Simon Busuttil.
Huwa tassew ta’ sodisfazzjon li tara lil Simon Busuttil jiġi elett bħala s-Segretarju Ġenerali tal-akbar partit politiku Ewropew. Din il-ħatra hija waħda mill-aktar ħatriet strateġiċi li wieħed jista’ jkollu f’kontinent sħiħ u li fiha wieħed ikollu s-setgħa li jimmedja bejn kapijiet prominenti ta’ gvern u li jmexxi aġenda politika mal-Ewropa kollha. B’kumbinazzjoni, din il-ħatra saret fl-istess ġimgħa li fiha Joseph Muscat stqarr li issa ser jibda’ jaħdem fl-isport u li jmexxi kampanja għad-drittijiet ċivili.
Huwa tassew ta’ sodisfazzjon li tara lil Simon Busuttil jinħatar b’mod unanimu mill-mexxejja kollha tal-Partit Popolari Ewropew bħala l-konsulent l-aktar anzjan tagħhom u bħala l-amministratur tal-politika komuni tagħhom, filwaqt f’Diċembru l-membri kollha tal-Partit Soċjalista Ewropew vvutaw favur ir-riżenja immedjata ta’ Joseph Muscat mill-kariga li kellu dak iż-żmien u dan mingħajr ma joqgħod itawwal it-tluq tiegħu b’6 ġimgħat.
Huwa tassew ta’ sodisfazzjon li llejla timmaġina lill-OCCRP Man of the Year for Corruption għall-2019 jaqra’ l-aħbar li Simon Busuttil irnexxielu jilħaq fejn ma kellux il-ħila jilħaq hu – għaliex 6 xhur ilu kien “kważi laħaq” – meta kien ittanta jipperswadi lis-sħab Ewropej ta’ Malta biex jagħtuh ħatra f’Brussell biex b’hekk jevadi l-ħabs u fl-istess waqt jagħmel aktar flus.
Huwa tassew ta’ sodisfazzjon li minkejja l-umiljazzjonijiet kollha, l-pressjoni li għamlu fuqu l-mexxejja tal-partit tiegħu stess, it-tradiment ta’ wħud mill-kollegi tiegħu fil-grupp parlamentari li libsu l-maskra u taparsi appoġġjawh meta kien kap tal-partit, Simon Busuttil żamm postu fil-Parlament u kompla jissielet bla waqfien. Kien f’waqtu li Simon Busuttil kien għadu jżomm postu fil-Parlament fiż-żmien meta t-tbissima minn fuq wiċċ Joseph Muscat waqgħet ħesrem dakinhar li ġie mġiegħel iwarrab mix-xena bħala politiku skreditat.
Huwa tassew ta’ sodisfazzjon li Simon Busuttil ser jitla’ Brussel l-għada li Joseph Muscat kellu jfekren ‘il barra minn fuq it-taraġ ta’ Kastilja.
Dawn il-ġrajjiet mhux tas-soltu għandna napprezzawhom. Il-lejla Simon Busuttil imissu jintefa’ fuq pultruna b’sigarru f’ħalqu u għandu għal darb’oħra jsegwi d-diskors tar-riżenja ta’ Joseph Muscat.
Illum il-pajjiż daq xi ftit mill-ġustizzja. Hekk kif Simon Busuttil jibda’ fażi oħra fil-ħajja politika tiegħu, Malta ser titlef prim ministru li ma kienx jistħoqqilha. Mill-banda l-oħra, bis-saħħa preżenza tiegħu fil-kuriduri tas-setgħa tal-Ewropa, bis-saħħa tal-imġieba eżemplari tiegħu, bis-saħħa tad-determinazzjoni ma’ taqta’ xejn tiegħu, bis-saħħa tal-onestà tiegħu u bis-saħħa tal-bżulija tiegħu, ser jagħmel isem mhux biss għalih innifsu iżda wkoll għal pajjiżu.
X’aktarx li dan mhux ser ikun biżżejjed biex jagħmel tajjeb għall-ħsara li saret minn Joseph Muscat lir-reputazzjoni kollettiva tagħna. Kulma nistgħu nagħmlu hu li nittamaw.
Int u ssegwi lil Robert Abela jindirizza lin-nazzjon bħallikieku kien tifel tal-iskola li għadu kemm rebaħ kompetizzjoni dwar kompożizzjoni li jkun kitiebielu missieru, immaġina ftit kemm kienet tkun differenti ħajjtek li kienu kien qed jindirizza lin-nazzjon Simon Busuttil.
Il-pajjiż huwa t-tellief. Hu ma tilef xejn.
Iżda m’għandux għalfejn joqgħod jikkonfondi. Dak li beda’ hu bi ħsiebna nissuktawh aħna.