Investigazzjonijiet li saru minn Nello Scavo ta’ L’Avvenire u minn Sergio Scandura ta’ Radio Radicale kixfu aktar dettalji dwar l-identità ta’ dawk li kienu riekbin fuq dinghy li kienu ġew identifikati mill-awtoritajiet Maltin l-għada tal-Għid u li tkaxkru lura lejn il-Libja jumejn wara minn vapur bla isem u bla bandiera.

Hemm xhieda li ġew intervistati minn Nazzjonijiet Uniti fil-Libja li stqarrew li l-vapur salpa mill-kosta tal-Libja mgħobbi b’63 ruħ nhar Ħamis ix-Xirka filgħaxija. Il-biċċa ‘l kbira minnhom kienu mill-Eritreja u minn pajjiżi oħra minn nofsinhar tad-deżert tas-Saħara u fosthom kien hemm 7 nisa b’waħda minnhom tqila u tlitt itfal. Bosta minnhom kienu ġew mitfugħin il-ħabs illegalment għal żmien twil mit-traffikanti. Waħda mix-xhieeda qalet li kienet ilha l-ħabs fil-Libja għal 3 snin qabel ittieħdet lejn ix-xtajta Garabulli, madwar 50 kilometru fil-lvant ta’ Tripoli. Fuq ix-xtajta damu jistennew bil-ġuħ għal tlitt ijiem.

Għalkemm Garabulli hi magħrufa bħala fortizza kontrollata mit-traffikanti, l-awtoritajiet tal-Libja dan l-aħħar ħallew erba’ vjaġġi ta’ immigranti li jitilqu mill-kosta.

Nhar il-Ġimgħa l-Kbira, l-aġenzija tal-UE Frontex lemħet tliet dinghies fl-ibħra tal-Libja. L-aġenzija tal-aħbarijiet Taljana Ansa rrappurtat li tal-Frontex infurmaw lill-Italja, lil Malta, lil Libja u lit-Tuneżija dwar il-preżenza ta’ dawn id-dinghies. Dan ifisser li, għalkemm il-pajjiżi tal-inħawi kienu jafu b’dawn id-dinghies, ħadd minnhom ma ċċaqlaq biex isalva lill-persuni li kienu riekbin fuqhom.

Fil-lejl ta’ wara, wieħed minn dawn id-dinghies għamel kuntatt ma’ Alarm Phone u ntalbet l-għajnuna. Dawn qalu li d-dinghy kien qed jagħmel l-ilma u li ma kienux jafu fejn kienu sejrin. Tal-Alarm Phone infurmaw lil Malta, lill-Italja u lil Libja. Iżda ebda wieħed minn dawn il-pajjiżi ma ntervjena.

Lejliet Ħadd il-Għid, il-gwardjani tal-kosta tal-Libja lil tal-Alarm Phone qalulhom li l-Libja ma setgħetx issalva d-dgħajjes u li Malta u l-Italja kienu ġew infurmati.

Sa nhar Ħadd il-Għid, id-dgħajsa kienet fl-ibħra Maltin u mara li kienet abbord għamlet din is-sejħa għall-għajnuna. Din is-sejħa kienet ixxandret esklussivament għall-ewwel darba mill-website Mediterranea.

“M’hemm ħadd li jista’ jagħtina l-għajnuna? Hawn tnejn minn nies li mietu hawn. It-tifel jinsab marid ħafna. M’aħniex f’sitwazzjoni tajba. Ejjew agħtuna l-għajnuna. La għandna ikel u lanqas ilma. It-tifel għandu 7 snin. Jien ninsab tqila b’tarbija. Mietu tnejn minn nies hawn. Mistoqsija: Int tlabt għall-għajnuna mill-awtoritajiet? Iva tlabna l-għajnuna iżda ma tawna ebda tweġiba”.

Ma nstema’ xejn aktar sakemm l-għada tal-Għid filgħaxija, in-Navtex ta’ Malta qalet li nlemħet dinghy u li kien jeħtieġ li din tingħata l-għajnuna.

L’Avvenire kitbet li dakinhar stess bil-lejl, Malta warrbet dak in-Navtex mingħajr ma ngħatat spjegazzjoni. Il-gazzetta kkwotat dak li qalu l-gwardjani tal-kosta Taljani fis-sens li “kull ma qalulna (jiġifieri l-Maltin) kien li ma kienx għad hemm emerġenza fuq il-baħar għaliex kien twettaq salvataġġ”.

Iżda kien bis-saħħa ta’ vapur Portugiż bl-isem Ivan li kmieni l-Erbgħa filgħodu l-immigranti li kienu fuq id-dinghy ingħataw l-għajnuna u l-kenn.

Hekk kif twasslu lura lejn il-Libja, dawk li baqgħu ħajjin qalu tliet immigranti qabżu l-baħar u bdew igħumu lejn il-vapur Portugiż li huwa kbir wisq biex seta’ jiġbor dawk li kienu rikbin fuq id-dinghy. U meta erba’ oħra mill-immigranti raw lill-vapur jitbiegħed, qabżu fil-baħar għal ġol-mewġ. Dawk li baqgħu ħajjin qed jissuspettaw li dawk li qabżu ‘l baħar riedu jagħmlu suwiċidju għaliex diġà kienu ilhom għal bosta ġranet bil-ġuħ u bil-għatx u kienu waslu biex jaqtgħu qalbhom.

“Aħna sejjaħna għall-għajnuna. Kien hemm tlieta minn nies li ppruvaw igħumu lejn il-vapur hekk kif dan beda’ jitbiegħed u dawn spiċċaw biex għerqu”. Alarm Phone għandha xhud li stqarr li “għamilna wkoll is-sinjali bid-dawl tal-mobiles tagħna lejn ajruplan li tar minn fuqna. Il-bdot tal-ajruplan rana għaliex xegħel dawl aħmar. Iżda ħin bla waqt, wasal vapur ieħor li ġabarna”.

Kien f’dan l-istadju li tfaċċa l-vapur tas-sajd bla isem u bla bandiera. Tista’ taqra’ aktar dettalji hawn.

Alarm Phone, Mediterranea u Sea Watch qalu li l-awtoritajiet Ewropej kienu diġà ilhom jafu b’dawn l-immigranti għal sitt ijiem wara li kienu ntlemħu għall-ewwel darba mill-Frontex fl-10 ta’ April. Permezz tan-Navtex li ħarġet l-għada tal-Għid, Malta assumiet ir-responsabbiltà li tikkordina s-salvataġġ. U minkejja dan, irrifjutat li toffri l-kenn fil-portijiet tagħha minħabba l-epidemija Covid-19.

Id-destinazzjoni finali tad-dinghy kienet il-Libja. Aqraw hawn dwar il-kwalità ta’ sigurtà li teżisti fil-port ta’ Tripli paragunat mas-sigurtà li hemm fil-portijiet Maltin.