Ir-Reuters u t-Times of Malta llum xandru dettalji dwar is-serqa kbira tal-Montenegro li permezz tagħha flus tal-Korporazzjoni Enemalta (jiġifieri, flusek, flusi u flus kull min iħallas it-taxxa u ta’ kull min jikkonsma d-dawl f’Malta) baqgħu sejrin fil-bwiet ta’ Yorgen Fenech, ta’ Keith Schembri, ta’ Konrad Mizzi u ta’ kompliċi mill-Azerbajġan.
Il-kwistjoni hi waħda kumplikata. U kienet ġiet ikkumplikata apposta bil-ħsieb li l-ħallelin ma jinqabdu qatt. Daphne Caruana Galizia kienet saret taf aktar milli konna ħsibna li taf meta bdiet tgħarbel is-17 Black, il-kumpannija reġistrata fid-Dubaj li tinsab fiċ-ċentru tas-serqa. Qatluha. U mbagħad ta’ The Shift News intebħu li kien hemm xi ħaġa tinten sewwa b’dan il-kuntratt li kien sar fil-Montenegro u li l-Enemalta kienet daħlet għalih.
Tar-Reuters u t-Times of Malta issa rnexxielhom jikxfu dak li kien moħbi taħt il-ħama u skoprew dak kollu li kien inħema. Għad jinkixfu aktar stejjer. Iżda dak li nkixef huwa aktar minn biżżejjed.
L-Enemalta kienet ħallset €10.3 miljun biex xtrat wind-farm fil-Montenegro mingħand kumpannija finta reġistrata fis-gżejjer Seychelles li, minn naħa tagħha, kienet xtratu biss ħmistax il-jum qabel mingħand kumpannija Spanjola għall-prezz ta’ €2.9 miljun.
Għaldaqstant l-Enemalta xtrat oġġett li sa ħmistax qabel biss kien jiswa’ terz tal-prezz li spiċċat ħallset.
Ejjew għall-mument nieqfu ftit hawn.
Anki li kieku għadek ma fhimtx għal kollox, dak li seħħ jammonta għal delitt kriminali. Iċ-Chairman Kevin Chircop, id-Deputy Chairman Sheng Baojie, id-Diretturi Yongxin Gao, Salvu Sant, James Piscopo u Ingrid Zammit Young u s-Segretarju Aron Mifsud Bonnici huma responsabbli li jaraw li l-Enemalta titmexxa’ bil-galbu. Dawn il-persuni, li huma personalment mgħobbijin bir-responsabbiltà li jħarsu l-interessi tal-azzjonisti tal-Enemalta, kienu awtorizzaw in-nefqa ta’ aktar minn €10 miljuni għal oġġett li, biss sa ħmistax il-jum qabel, setgħu xtrawh għal €3 miljuni.
Li kieku biss dawn staqsew lilhom infushom il-għala l-Enemalta kienet ser tixtri oġġett mingħand kumpannija li l-ismijiet tas-sidien tagħha kienu moħbijin, kienu forsi jieħdu deċiżjoni differenti. Tar-Reuters saru jafu li sid il-kumpannija finta reġistrata fil-gżejjer Seychelles huwa Turab Muyasev. M’hemmx dubju li tal-Enemalta kienu jagħrfu dan l-isem mill-ewwel. Muyasev huwa isem li hu sinonimu mas-Socar u hu wkoll soċju fin-negozju ma’ Yorgen Fenech fl-Electrogas, il-fornitur ewlieni tal-enerġija tal-Enemalta.
Dan il-fatt biss kien messu fetaħ ħafna għajnejn. Il-kumpannija finta reġistrata fil-gżejjer Seychelles kienet isselfet €3 miljuni mingħand is-17 Black biex setgħet tixtri il-wind farm tal-Montenegro. U meta dawn il-flus mislufin intraddew lura, fil-kont bankarju tas-17 Black ġew depożitati mill-inqas €7.6 miljun. F’dan l-ammont hemm il-biċċa l-kbira tal-flus żejda li kienet ġiet imġiegħla tħallas l-Enemalta.
Issa jeħtieġ li niftakru wkoll f’dan li ġej.
l-ewwel, is-17 Black kienet intrabtet li tħallas lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi €5,000 kuljum. U issa sirna nafu li dawn il-flejjes ma kienux qed jitħallsu biss minħabba l-kuntratt tal-Electrogas. Il-korruzzjoni tagħhom kienu qed jesportawha.
It-tieni, meta x-Shanghai Electric kienet xtrat l-ishma fl-Enemalta, diġà kien hemm sinjali ta’ korruzzjoni dakinhar li sirna nafu li tan–Nexia BT kienu irranġaw biex jinfetħu kontijiet għal Cheng Chen, in-negozjatur ewlieni tax-Shanghai Electric.
It-tielet, il-kuntratt tal-Montenegro kien ġie negozjat personalment minn Joseph Muscat u minn Konrad Mizzi. Konrad Mizzi kien żar il-Montenegro diversi drabi u f’Novembru kien akkumpanjat minn Joseph Muscat fl-istess żmien li f’Malta eluf kienu qed jinġabru fit-toroq biex jeżiġu li jwarrbu. Ftit jiem wara din iż-żjara, Joseph Muscat ħabbar li kien ser iwarrab.
Ir-raba’, Joseph Muscat ħatar lil sieħbu Karl Izzo, coach tal-waterpolo, bħala ambaxxatur għall-Montenegro u dan minkejja l-fatt li dan m’għandu ebda ħiliet f’dik li hi ħidma diplomatika jew relazzjonijiet internazzjonali. Issa qed jidhru aktar ċari r-raġunijiet il-għala Joseph Muscat kien ħatar lil sieħbu (u jingħad li hu wkoll soċju fin-negozju miegħu).
Il-ħames, Aron Mifsud Bonnici m’huwiex biss is-segretarju tal-kumpannija tal-Korporazzjoni Enemalta. Huwa wkoll l-avukat personali ta’ Konrad Mizzi. U, kif jidher minn storja li xandar The Shift News xahrejn ilu, kien hu li kkonkluda l-kuntratt fil-Montenegro. Kienet l-Enemalta li nħadmet minħabba kuntratt korrott li sewa’ lil Malta miljuni kbar u li permezz tiegħu gawda s-17 Black, il-“klijent” ta’ Konrad Mizzi.
Is-sitt, tan-Nexia BT kienu ħolqu tliet kumpanniji fil-Panama. Is-sidien ta’ tnejn minn dawn – jiġifieri Keith Schembri u Konrad Mizzi – kellhom igawdu minn ħlasijiet mingħand is-17 Black. Sid it-tielet kumpannija, Egrant, allegatament huwa Joseph Muscat iżda l-inkjesta maġisterjali li saret ma sabitx provi dwar dan.
Madankollu provi ġodda li tielgħin fil-wiċċ qed jitfgħu dubji serji dwar il-konklużjoni li kienet inġibdet mill-inkjesta.