Ftit huma dawk li kienu emmnu li Joseph Muscat ma kien jaf xejn dwar dak li kien qed iseħħ taħt imnieħru. Meta fl-2016, kien irrifjuta li jkeċċi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri meta dawn inqabdu li kienu ħolqu kumpanniji sigrieti fil-Panama, kien ta ħjiel qawwi li hu kien imdaħħal magħhom. U konna fhimna li l-kumpanniji fil-Panama ma jinħolqux biex “jinżamm il-ġid fihom” kif ried ibellagħhielna Konrad Mizzi. Fhimna li kienu fasslu roadmap biex iwettqu sensiela ta’ serqiet fid-dawl tax-xemx u li dak li kien inkixef dwar il-kumpanniji tal-Panama kien biss ħjiel.

Ftit huma dawk li emmnu li Joseph Muscat kien innoċenti. Meta qabad u ddeċieda waħdu li jagħti l-proklama lil Melvyn Theuma, iżda mbagħad lil sħabu tal-Kabinett kien immanipulahom b’mod biex ġiegħelhom jaqblu li ma tingħatax proklama lil Yorgen Fenech, konna fhimna mill-ewwel li kien qed jabbuża mill-awtorità legali biex iħares l-interessi personali tiegħu. Mhux ċar dan l-interess personali x’kien. Iżda l-fatt li ppermetta lil Keith Schembri fil-kamra waqt li kien qed jirċievi informazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne anki tul iż-żmien li Yorgen Fenech kien meqjus bħala persuna suspettata, kien ħjiel importanti.

 

Qed jiġi f’moħħi l-filmat li fih jidher ta’ Joseph Muscat u ta’ dik il-mara rgħiba, vojta u vanituża li għandu, jaqbżu u jixxalaw bil-fliexken tax-xampanja f’idejhom għall-kant ta’ ‘ma tagħmlu xejn ma’ Joseph tagħna’. Filmat li fih dehru qishom f’xalata f’xena li xejn ma taqbel mad-dinjità tal-kariga ta’ prim ministru u mal-bini li hu residenza uffiċjali tal-mexxej tal-pajjiż. Iżda kien sinjifikanti l-fatt li dak il-filmat spiċċa biex ixxandar.

Dehru fih bħallikieku neħħew balla minn fuq l-istonku, huwa u jaqbżu u jogħlew bħall-ħallelin li jkunu wettqu serqa kbira u, b’xorti għalihom, irnexxielhom igħadduha lixxa.

Dehru bħallikieku qed jifirħu talli kien tneħħa piż minn fuq spallejhom u bħallikieku kienu qed isikktu lil ġwejjef bħal Evarist Bartolo li kien jaf x’kienu wettqu, iżda li ma kellux il-kuraġġ iċanfarhom fil-beraħ.

U bħallikieku kienu qed isikktu lil xakall politiku bħal Chris Fearne li baqa’ b’xiber imnieħer hu u jistenna ċans li jaħtaf it-tmexxija li spiċċa ma wasallu qatt.

Il-koppja Muscat kienu f’ewforija għax ħasbu li kienu għaddewha lixxa tassew.

Issa ilna nafu għal żmien mhux ħażin li Yorgen Fenech kien preżenti għal dik ix-xalata. Dakinhar biex jiċċelebra kien ħa miegħu rigali li jiswew l-eluf.

Sirna nafu wkoll li, dak iż-żmien, Yorgen Fenech kien qed iqatta’ ħafna żmien ma’ Melvyn Theuma. Kien qed jipprova jikkalmah u jżommu milli jikxef l-għawwar u forsi – dejjem jekk il-biżgħat li kellu Melvyn Theuma kienu fondati – kien ukoll qed jikkunsidra kienx jeħtieġ li jinqatel Melvyn Theuma.

Jidher li huwa mistenni li jitfaċċaw provi li Yorgen Fenech kien qed jipprova jserraħ moħħ Joseph Muscat li ma kienu ser jinqabdu qatt. Li kienu ser ikomplu jgawdu l-flus li kienu serqu mingħajr ma jkun hemm xi Daphne Caruana Galizia li tikxfilhom kollox .

“Ma tagħmlu xejn ma’ Joseph tagħna” tabilħaqq.

Minkejja l-fatt li, għal diversi xhur u snin, kellna dan il-ħjiel ċar kollu, bosta huma dawk li kienu ttamaw li Malta ma kellhiex prim ministru mgħaddas sa xfar għajnejh fil-ħmieġ tal-korruzzjoni u li kien lest li jgħin biex jitgħatta assassinju li kien twettaq biex dan il-ħmieġ jibqa’ mistur. Bosta huma dawk il-pajjiżi li kienu mmexxijin mit-tiranni li l-imġieba tagħhom kienet waħda ta’ mistħija għal pajjiżhom. Uħud mill-gvernaturi li kellna ma tantx ħallew togħma tajba warajhom. Iżda dan b’ebda mod ma jista’ jiġi paragunat, minn żmien Gonsalvo Monroy ‘l hawn, mal-ħniżrijiet li wettaq Joseph Muscat.

Bosta huma dawk li kienu ttamaw li l-korruzzjoni twettqet minn wara dahar Joseph Muscat, il-prim ministru tal-Aqwa Żmien. Iżda issa ma jistax jibqa’ jitwemmen.

Kif lanqas jista’ jitwemmen Robert Abela meta jgħid li ma kien jaf b’xejn dwar dan il-ħmieġ qabel illum. Meta jgħid hekk ikun qed jigdeb. Robert Abela kien intuża bħal biċċa għodda minn Joseph Muscat meta dan kien għamel attentat biex jgħaddiha lixxa dwar il-kriminalità li twettqet taħt imnieħru. Iżda Abela ma kienx vittma tal-manipulazzjoni ta’ Joseph Muscat: kien kompliċi b’għajnejh miftuħin beraħ.

Biżżejjed wieħed jiftakar li f’Novembru li għadda kien preżenti fil-kamra tal-kabinett meta l-ministri kienu ngħataw informazzjoni dwar dak li kien qed igħid Yorgen Fenech dwar il-korruzzjoni kbira li kienu mdaħħlin fiha ċerti rjus kbar. F’Novembru kienu jafu bid-dettalji kollha tal-iskandlu tal-kuntratt maħmuġ tal-Montenegro.

U minkejja dan, waqt li kien qed jistagħad għall-voti biex isir mexxej tal-partit, lill-votanti wiegħedhom il-kontinwità. Kien hu wkoll li attakka lil dawk li kienu qed jipprotestaw, għajjarhom b’sedizzjoni u għamlilhom sejħa biex immorru lura f’darhom u “jħalluna niggvernaw”.

L-ewwel impenn tiegħu bħala mexxej tal-partit kien żjara lil Joseph Muscat fid-dar tiegħu f’Burmarrad u ppoża miegħu għar-ritratti. U kienet għadha lanqas għaddiet ġimgħa minn dakinhar li ħa l-ħatra li ma laqgħax uffiċjalment lil Joseph Muscat f’Kastilja. Dan ma kienx kollox. Spiċċa wkoll biex ħatar lil Muscat bħala konsulent tiegħu.

Robert Abela ma jagħmilx parti minn xi ġenerazzjoni mġedda tal-klassi politika tagħna. Lil Evarist Bartolo u lil Chris Fearne ma jagħmlilhomx għajb. Eżatt bħalma għamel Evarist Bartolo, stqarr li jinsab diżgustat bi ħmieġ li kien ilu jaf bih xhur sħaħ. U eżatt bħal Chris Fearne, baqa’ ma fetaħx ħalqu meta dan il-ħmieġ imxajtan kollu kien qed jinħema, u dan biex seta’ jħares is-setgħa politika li kellu. Iżda hu agħar minn dawn it-tnejn għaliex issa għandu wkoll il-wiċċ li jigdeb dwar ir-rwol tiegħu f’dan il-ħmieġ kollu.

Nhar il-Ġimgħa waqt il-konferenza stampa, Robert Abela wera’ kemm huwa ipokrita. Meta wieġeb lil Jacob Borg tat- Times of Malta, li dakinhar stess kien xandar l-istorja tal-kuntratt tal-Montenegro flimkien mar-Reuters, huwa staqsa kemm ir-Reuters u tat-Times of Malta kienu ilhom jafu bl-iskandlu. Ried bħal speċi ta’ jimplika li r-Reuters u tat-Times of Malta żammew mistura l-informazzjoni għal raġunijiet tattiċi meta, kif fakkar fil-konferenza stampa, huwa d-dmir ċiviku ta’ ċittadin li jinfurma lill-pulizija minnufih b’xi delitt li jkun twettaq u li jkun sar jaf bih.

Ejjew neżaminaw din l-istqarrija biċċa biċċa.

L-ewwel, Robert Abela ried ibellagħha li huwa kien sar jaf bl-iskandlu tal-kuntratt maħmuġ tal-Montenegro mir-rapport li it-Times of Malta ta’ nhar il-Ġimgħa. Dak li stqarr huwa gidba. Tal-Malta Today xandru rapport fis-sens li l-membri tal-kabinett kienu ġew infurmati sa minn Novembru li għadda dwar l-istorja tal-ħmieġ tal-korruzzjoni tal-Montenegro. Mir-ritratt li jidher hawn taħt, jidher ċar li Robert Abela kien preżenti għal laqgħa tal-kabinett li fiha kienet ingħatat din l-informazzjoni.

Ilu jaf bil-ħmieġ u, minkejja dan, f’Jannar lil Konrad Mizzi kien innominah biex iservi fuq istituzzjoni internazzjonali u għadu sal-lum m’għamel xejn biex ikeċċieh mill-grupp parlamentari. U dan biex ma nsemmix kif baqa’ sal-lum jixgħal ix-xemgħat quddiem ix-xbieha ta’ Joseph Muscat. Bħala mexxej tal-partit u prim ministru, m’għandux il-kuraġġ li jżomm ‘il bogħod minnu.

It-tieni, huwa minnu li huwa dmir ċiviku taċ-ċittadin li jinforma lill-awtoritajiet dwar suspetti ta’ aġir kriminali. Ma jafx Robert Abela li meta ċittadin jasal biex jagħmel dan, jispiċċa jiġi mgħajjar bħala traditur? Barra minn dan, l-awtoritajiet għandhom vizzju li jagħlqu għajnejhom meta jfeġġu provi dwar l-imġieba ta’ politiċi. Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi, Chris Cardona u oħrajn kienu ġew rappuratati lill-awtoritajiet għal għexieren ta’ drabi. U qatt ma ġara’ xejn. Xogħol il-ġurnalisti m’huwiex dak li jieħdu post l-awtoritajiet u li jilbsu ż-żarbun tagħhom. Xogħolhom huwa li jinfurmaw lill-pubbliku dwar ħwejjeġ li l-awtoritajiet jippruvaw jostruhom.

It-tielet, jekk huwa minnu li huwa d-dmir ċiviku li ċittadin jinforma lill-awtoritajiet dwar delitti li jkun sar jaf bihom, huwa proprju hu l-ewwel wieħed li jinsab ħati għal dan in-nuqqas. B’xorti ħażina, fil-biċċa ‘l kbira tal-każijiet, min ikun jaf b’delitt u ma jikxifx m’huwiex ħati ta’ ksur ta’ liġi. Li kieku dan kien il-każ, Edwin Brincat il-Ġojja, Johann Cremona u ħafna oħrajn diġà jinsabu maqfulin il-ħabs wara li dawn ammettew fil-qorti li Melvyn Theuma kien tkellem magħhom dwar il-qtil propost ta’ Daphne Caruana Galizia. Ħadd minnhom ma kien kixef lil Theuma.

M’għandniex xi ngħidu, hemm differenza bejn dmir ċiviku u dmir legali. Iżda meta l-mexxejja politiċi jonqsu li jkunu ta’ eżempju fl-imġieba tagħhom, in-nies bla ma trid tibda’ wkoll tillaxka.

Robert Abela m’huwiex il-personifikazzjoni tas-salvazzjoni li jeħtieġ pajjiżna mill-ħmieġ u l-korruzzjoni li ħalla warajh Joseph Muscat. U minkejja dan, kif wera’ l-aħħar stħarriġ, jidher li m’hemmx alternattiva għalih. Elezzjoni bikrija issa hi kważi ċerta. U bħal dik ta’ Ġunju 2017, l-elezzjoni li ġejja jriduha sservi ta’ assoluzzjoni għad-dnubiet ta’ Robert Abela u tal-Partit Laburista. Assoluzzjoni għall-kriminalità, l-gideb, is-serq u l-qtil permezz tal-leġittimità tal-appoġġ popolari.

Lill-Partit Laburista ma nagħtihx tort sa barra. Huwa l-Partit Nazzjonalista li huwa fid-dmir li jipprovdi lill-pajjiż b’alternattiva li jkunu jistgħu jittamaw għaliha n-nies.

Issa ilni żmien twil nirċievi messaġġi mingħand uħud li qed jagħmluli sejħiet biex nifhem il-ħtieġa li tal-Labour jiġu xkupati mis-setgħa u li għandi nagħti l-appoġġ tiegħi lill-PN ta’ Adrian Delia. Dawn jidher li jemmnu li għandi dmir ċiviku li nagħmel dan. Dmir ċiviku li skonthom għandu jieħu s-sopprevvent fuq dak li tgħidli l-kuxjenza u li nitkellem meta jidhirli li għandi nitkellem.

Jien nwieġeb billi ngħid li l-veru dmir ċiviku huwa dak tal-PN li qiegħed hemm biex joffri alternattiva minn prim ministru alternattiv li n-nies ikollha fiduċja fih.

Jekk dan id-dmir il-PN m’huwiex lest li jwettqu, jien ċertament mhux lest li ma nagħmilx dmiri.