Mexxejja ta’ partit politiku ta’ sikwit ikollhom is-saħħa li jmexxu lis-segwaċi tal-partit tagħhom mit-triq li jkunu jridu jgħadduhom. Eżatt kif isir mat-tfal. Iżda meta dawn il-mexxejja jippruvaw imexxu lis-segwaċi minn toroq opposti, dawn x’aktarx jiddiżorjentaw ruħħom u malajr jibda’ jfeġġ it-tgergir.

Xi drabi niftakar f’dak li kien seħħ f’nhar Jum il-Ħaddiem tal-2018, jiġifieri madwar sitt xhur wara l-qtil ta’ Daphne. Ftit ġimgħat qabel, The Daphne Project kien beda’ jxandar stejjer investigattivi u l-istampa dinjija bdiet iżżid il-pressjoni tagħha fuq Malta. Kienu xxandru stejjer investigattivi dwar il-kuntrabandu taż-żejt mil-Libja u dwar il-ħakma tal-mafja fuq il-qasam tal-gaming f’Malta, u bosta kienu dawk li ħasbu li dawn l-stejjer setgħu kienu l-motiv wara l-assassinju ta’ Daphne sitt xhur qabel.

U aktar tard ixxandru l-istejjer dwar il-wegħdiet ta’ 17 Black lill-kumpanniji tal-Panama ta’ Schembri u ta’ Mizzi u dwar ir-rabtiet bejn Chris Cardona ma’ wieħed mill-allegati assassini.

Iżda dak iż-żmien il-partitarji tal-Labour kienu għadhom jemmnu lill-idoli politiċi tagħhom u li dawn l-istejjer kienu biss gideb ivvintati minn Nazzjonalisti. U l-ġemgħa Laburista li nġabret f’Jum il-Ħaddiem riedet tagħti risposta lil The Daphne Project bl-ilbies ta’ xalpi u lbies ieħor bil-kliem #josephmuscatproject bil-għan li jgħaddu biż-żmien lill-investigazzjonijiet ġurnalistiċi li kienu bellgħuhielhom li huma kontrollati minn David Casa u Simon Busuttil.

Il-partitarji tal-Labour baqgħu jappoġġjaw lill-idoli tagħhom, xemx jew xita. Il-bieraħ xandart filmat ta’ konferenza stampa li kien għamel Konrad Mizzi dakinhar li nħatar bħala deputat mexxej tal-Partit Laburista, ftit jiem wara li konna sirna nafu li hu sid ta’ kumpannija fil-Panama. 

Dan kien għadu biss il-bidu u sal-elezzjoni ġenerali ta’ Ġunju 2017, filwaqt li ħafna aktar kien inkixef dwar il-korruzzjoni li ħakmet lill-Partit Laburista, tal-Labour xorta waħda baqgħu jikkonsolidaw l-appoġġ fost il-votanti.

Jumejn ilu, l-eżekuttiv tal-Partit Laburista sa fl-aħħar ħalla l-kuxjenza tmexxih u ħeles minn Konrad Mizzi. Iżda x’aktarx il-membri tal-eżekuttiv ma skantaw xejn hekk kif bdew jirċievu telefonati u messaġġi fuq il-media soċjali mingħand partitarji Laburisti rrabjati u maħsudin b’din id-deċiżjoni.

Għal snin twal, lis-segwaċi tal-Labour kienu bellgħuhielhom li Daphne Caruana Galizia kienet giddieba. U għal sentejn u nofs sħaħ, bellgħuhielhom ukoll li dawk li qed joħorġu fit-toroq biex jipprotestaw u jsejjħu biex issir ġustizzja kienu biss Nazzjonalisti għatxana għas-setgħa. Robert Abela saħansitra kien qalilhom li ulied Daphne tant jobgħodu lil Malta li mhux veru jridu jikxfu lil min qatel lil ommhom.

Qalulhom li ulied Daphne kellhom sehem fil-konfoffa li qatlet lil ommhom. U dan il-qerq inxtered minn ħadd ħlief uffiċjali għoljin fl-uffiċċju tal-prim ministru, kandidati u politiċi anzjani.

Għaldaqstant ma tlumx lill-partitarji lejali tal-Labour li ma setgħux iġerrħu jaraw lil Konrad Mizzi jitwarrab u din l-azzjoni fehmuha bħala ċediment għall-pressjoni ta’ dawk li qed jipprotestaw fit-toroq, li f’għajnejhom m’humiex ħlief giddibin, tradituri, għedewwa tal-Partit Laburista u – agħar minn hekk – Nazzjonalisti.

Din il-lealtà għamja tal-partitarji qed tiġi sfruttata mill-ħallelin. Bħalissa qed jiġu f’moħħi l-uċuh inkwetati ta’ numru ta’ membri tal-korp tal-pulizija li, f’Diċembru li għadda, kellhom jipproteġu lil dawk li kienu qed jipprotestaw fil-Belt Valletta hekk kif eluf ta’ partitarji nġemgħu quddiem il-kwartier Laburista fil-Ħamrun biex juru r-rabja tagħhom għall-“ardir” ta’ dawn in-“Nazzjonalisti”.

Dawn kienu ġew imxewxa minn persuni bħal Alfred Sant, Tony Zarb u ħafna oħrajn li kienu qed jagħmlu sejħiet biex isiru konfrontazzjonijiet fit-toroq biex jiġu intimidati dawk li kienu qed jipprotestaw u biex dawn jiġu mfakkra l-maġġoranza fuq liema naħa tinsab.

Wara li tkeċċa minn ministru, Konrad Mizzi żar il-miġemgħa fil-Ħamrun fost ħafna bews u tgħanniq. F’għajnejn il-partitarji, Konrad Mizzi kien idolu, vittma u eroj ieħor Laburista bħal “vittmi” oħrajn li ġew qablu.

Qed insemmi dan kollu għaliex, bil-għan li jibqa’ jimraħ fil-wiċċ, x’aktarx li Joseph Muscat qed jagħmel xi ħaġa simili. Ta’ sikwit insemmi l-mod dwar kif Joseph Muscat ħataf  u ħakem lill-istituzzjonijiet. Dwar kif ħakem lis-servizz ċivili, il-Parlament, lill-Pulizija, lill-Prosekutur, lill-ġudikatura, lill-awtorità tal-ippjanar, lill-mezzi tax-xandir, u lill-armata biex żgur ma jkun hemm ħadd li jkun jista’ jfixklu.

Iżda l-verità hi li l-ewwel istituzzjoni li ħataf kien il-Partit Laburista stess. U jidher li għadu ggranfat mal-partit sal-lum. Hekk kif l-influwenza tiegħu fuq l-istituzzjonijiet tkompli tonqos – inkluż fuq il-gvern li għad jiġih il-kuraġġ li jżomm ‘il bogħod minnu (min jaf? – imma hekk spiċċa ġara’ Chris Cardona u Konrad Mizzi) – l-appoġġ li għandu mal-għeruq fil-partit m’hux ser jisfa’ fix-xejn mil-lum għal-għada.

Il-bieraħ tkellem fil-Parlament, b’espressjoni ta’ rabja fuq wiċċu li fakkritni fl-okkażjoni meta f’Ottubru 2018 kien hedded lil Simon Busuttil li jeżiljah. Bid-diskors li għamel il-bieraħ mhux biss ried ibellagħha li hu innoċenti iżda ried ukoll jerġa’ juża l-istess tattika li għamel użu minnha f’nhar Jum il-Ħaddiem tal-2018. Jigifieri li jipprova jbellagħha li l-fatti li qed jinkixfu dwar ir-rwol tiegħu fil-korruzzjoni li assassinat lil Daphne, il-konfoffa kriminali biex jitħarsu l-assassini tagħha u issa, l-indikazzjonijiet ċari li seta’ kien jaf bl-assassinju tagħha qabel dan seħħ, huma lkoll gideb ivvintati min-Nazzjonalisti.

Diskors bħal dan lill-partitarji Laburisti jinżlilhom għasel. Mhux li l-mexxejja tagħhom kienu appoġġjati mill-ħallelin u mill-qattiela. Iżda li huma vittmi tal-oppożizzjoni, tal-imxajtan Jason Azzopardi u tat-tradituri rgħiba fi ħdan il-partit oppost.

Joseph Muscat m’huwiex ifittex li jibqa’ politiakment fil-wiċċ. Qed jipprova jsalva l-ġilda tiegħu u bi ħsiebu jagħmel użu mill-mezzi kollha possibli biex jibqa’ jimraħ fil-wiċċ. L-appoġġ popolari li għandu li waħda mill-aħħar karti li għandu f’idejh u mhux ser jaħsibha darbtejn li jilgħabha.

Din l-imġieba tista’ titqabbel mal-pożizzjoni ta’ Adrian Delia li qed jisfida s-sejħiet li qed jagħmlulu sħabu biex iwarrab mit-tmexxija tal-PN: dan jaf li l-partitarji tiegħu ser jibqgħu jappoġġjawh jagħmel x’jagħmel.

Joseph Muscat jkollu jerfa’ responsabbiltà kbira jekk jintilef il-kontroll. Dan jaf li s-segwaċi tiegħu m’humiex ser jabbandunawh kif ġieb u laħaq.