Bosta minna jistgħu jiftakru b’miżura ta’ ċertezza fejn kienu hekk kif semgħu li kienet inqatlet Daphne Caruana Galizia. Jiftakru dwar kif saru jafu, ma’ min kienu u x’kienu għamlu dak il-ħin.

Bosta minna kienu ġew profondament milqutin meta semgħu bl-aħbar. Wieħed għandu jistenna li Keith Schembri kien milqut ukoll u li għandu memorja ċara ta’ dak il-mument drammatiku. U wieħed għandu jistenna jiftakar ċar il-memorja ta’ dakinhar jekk għandu jixhed fil-qorti ġaladarba l-uffiċjal tal-prosekuzzjoni kien għadu kemm stqarr li Keith Schembri qed jiġi kunsidrat bħala persuna ta’ interess fid-delitt.

Fil-Qorti, Keith Schembri xehed li dakinhar li kienu ġew infurmati mill-kbir tal-isptar li kienet splodiet bomba f’Burmarrad, huwa kien fl-uffiċju l-Belt Valletta flimkien ma’ Joseph Muscat. Keith Schembri spjega li Joseph Muscat tħasseb għaliex f’Burmarrad missieru għandu maħżen fejn jaħżen in-nar tal-festi. Xehed li ra lill-prim ministru jċempel lil missieru Hbiex jara li ma kien ġralu xejn. U mbagħad xehed li bdew jirċievu informazzjoni li l-bomba kienet splodiet fil-Bidnija.

Xehed li immedjatmanet huwa ċempel lix-chargé d’affaires Amerikan u talbu għall-għajnuna fl-investigazzjoni.  Iżda l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar qal li mhux minnu li Keith Schembri kien għamel dan, li jfisser li diġa hemm xi ħadd li qed igħid li Keith Schembri qed jigdeb.

Sa dalgħodu, quddiem l-inkjesta indipendenti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, smajna li teżisti prova fil-forma ta’ filmat li fil-ħin tal-isplużjoni Joseph Muscat ma kienx jinsab fil-Belt Valletta. Kien qed iżur kumpannija tas-software band’oħra. U Keith Schembri ma kienx miegħu. F’dan il-filmat jidher il-ħin li fih kien inġibed u hu prove li Joseph Muscat kien fl-uffiċju ta’ din il-kumpannija fil-ħin jew ftit minuti wara li seħħet l-isplużjoni.

Għaldaqstant dak li stqarr Keith Schembri ma jistax ikun minnu.

Din l-istorja vvintaha biex bħal speċi jipprova jbellagħha dwar kemm kien ixxukkjat meta sema’ bl-aħbar dwar l-isplużjoni u li l-ewwel ħaġa li kien għamel kienet li jsejjaħ għall-għajnuna mingħand l-FBI.

Ġaladarba gideb dwar dan, fuqhiex gideb aktar?