Byron Camilleri keċċa lil Lawrence Cutajar wara li ġie żvelat li “l-kbir ta’ Ħal Luqa” – kif sejjaħlu Melvyn Theuma llum fil-qorti – kien jikkanċella l-multi mill-iskrivanija tiegħu fil-kwartier ġenerali tal-pulizija u kien jimmina xogħol l-uffiċjali investigattivi billi jtarraf lill-kriminali b’informazzjoni dwar l-arrest imminenti tagħhom.
Robert Abela kien aċċetta r-riżenja ta’ Lawrence Cutajar bħala Kummissarju tal-Pulizija ftit wara li dan inħatar prim ministru fit-12 ta’ Janner. Iżda dakinhar stess tar-riżenja tiegħu, inħatar konsulent “dwar is-sigurtà pubblika u dwar il-loġistika” bl-istess salarju li kellu meta kien Kummissarju.
Illum Byron Camilleri keċċa lil Lawrence Cutajar u qal li l-ministeru tiegħu irid jistenna biex joħorġu l-fatti kollha.
Aħjar Alla jagħtini s-sabar!
Meta jridu, jafu jilgħabuha tal-boloħ.
Fit-23 ta’ Frar 2020, il-ġurnalisti Ivan Martin u Jacob Borg tat-Times of Malta kienu rrappurtaw li Lawrence Cutajar kellu mill-inqas żewġ laqgħat ma’ Edwin Brincat li jgħidulu l-Ġojja u li mid-dehra jagħmilha ta’ parrinu għal Melvyn Theuma. It-tieni laqgħa seħħet xorta waħda minkejja l-fatt li l-uffiċjali investigattivi lil Lawrence Cutajar kienu qalulu biex ma jbagħbasx mal-provi.
Għaldaqstant dak li fit-23 Frar kien suspett, fis-7 ta’ Ġunju sar probabbiltà, liema probabbiltà issa ġiet konfermata mix-xhieda li ngħatat dalgħodu fil-qorti.
U llum Byron Camilleri keċċieħ.
L-ewwelnett irrid ngħid li din it-tkeċċija ta’ Lawrence Cutajar seħħet grazzi għall-ġurnaliżmu ta’ Jacob Borg u ta’ Ivan Martin. Dan tal-aħħar irċieva xi kritika dwar l-intervista li għamel lil Chris Cardona. Iżda jeħtieġ li nsemmu kollox u l-verità hi li l-ġurnalisti tat-Times of Malta din l-istorja qed ikomplu jtuhu l-prominenza li tistħoqq.
It-tieninett, jgħarralu Byron Camilleri jekk mingħalih li din l-istorja ser tieqaf hawn.
Meta kien sar jaf bih Byron Camilleri dak li qrajna dwaru l-bieraħ u llum dwar Lawrence Cutajar? X’mistoqsijiet għamel lill-pulizija wara li kien ixxandar ir-rapport tat-Times of Malta fit-23 ta’ Frar? Xi tweġibiet irċieva?
Kien jaf Byron Camilleri li Lawrence Cutajar kien taħt suspett li ftiehem minn taħt ma’ dawk li huwa suspettati li kellhom x’jaqsmu mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qabel ħatru bħala konsulent tiegħu? Sar jaf b’din l-istorja illum wara nofsinhar?
Jekk kien sar jaf qabel illum wara nofsinhar, lil min ser ikeċċi talli ħallewh fil-għama?
U peress li ninsab moralment konvint li Byron Camilleri ipprova jgħatti din l-istorja sakemm it-Times of Malta ( u l-mistoqsijiet li għamel Jason Azzopardi fil-qorti) komplew jikxfu għawwar oħrajn, meta se jitfa’ r-riżenja tiegħu Byron Camilleri?
Il-kenn kollu li qed jingħata lill-ħallelin jeħtieġ li jiġġarraf.