Evarist Bartolo kompla bil-karba Danteska dwar il-korruzzjoni li hemm fi ħdan il-partit tiegħu iżda qal li m’hux bi ħsiebu jieħu lezzjonijiet mingħand il-PN dwar l-infiltrazzjoni tal-mafja. Għaliex? Kemm il-assassinju organizzat mill-istat twettaq meta kien hemm il-PN fil-gvern?
Evarist Bartolo stqarr li kien biss Alfred Sant li ġġieled kontra l-mafja bis-serjetà qabel leħaq Robert Abela. Ejjew ninsew għal mument l-assurdità ta’ stqarrija bħal din. Niġu għaliha aktar ‘il quddiem. Ħaġa tal-iskantament li sa fl-aħħar tfaċċat persuna minn ħdan il-Partit Laburista li qed tammetti dak li ilu magħruf. Jiġifieri li qed nittrattaw mal-ħidma tal-mafja. L-istess mafja li ħakmet lill-Partit Laburista, lill-gvern u lill-pajjiż.
U sa fl-aħħar qed jammettu. Dawn għamlu tagħhom il-kliem li kien stqarr Matthew Caruana Galizia inqas minn 24 siegħa wara l-assassinju ta’ ommu: li Malta hi Stat tal-Mafja. Dawn kienu saħansitra jiċħdu li teżisti din il-mafja. Baqgħu jistqarru li konna qed neżaġeraw u ngħaġġbuha meta konna nitkellmu dwar il-mafja. Saħansitra anki Adrian Delia kien ingħaqad mal-apoloġisti tal-mafja biex iserrħilna rasna li Malta m’hix Stat tal-Mafja.
Issa għandna ċertifikat bil-firma ta’ ministru tal-gvern.
L-istess ministru li stqarr li Alfred Sant kien issielet kontra l-mafja.
Alfred Sant kien għamel 22 xahar fil-gvern. U fil-biċċa l-kbira taż-żmien li għamel fit-tmun, il-gvern tiegħu kien fi kriżi perpetwa. Tul iż-żmien li dam jiggverna, kien irnexxielu jintroduċi it-towing u l-clamping fit-toroq u bena’ numru ta’ bankini f’Buġibba. Aktar minn hekk m’għamilx. .
Spiċċa barra minn Kastilja minħabba kuntratt ta’ privatizzazzjoni korrott dwar ix-Xatt tal-Birgu, liema kuntratt kien twaqqaf minn Dom Mintoff. Iżda Alfred Sant, permezz tal-ministru tal-edukazzjoni tiegħu Evarist Bartolo, ħareġ b’inizjattiva waħda: li jnaqqas l-istipendji tal-istudenti universitarji. Din ma tistax issejħilha xi rebħa kontra l-mafja.
Alfred Sant kien ħadha kontra dawk li pprotestaw dwar it-tkissir tal-blat bl-isplussivi qabel tħammlet l-art għall-port tal-portomaso. Dak iż-żmien Alfred Sant kien jaf bl-identità ta’ dawk li kienu qed jgħalfu.
Kontra l-mafja, tabilħaqq.
Dinosawri joħolmu bid-dinosawri. Dan l-aħħar Alfred Sant kien qed jehda fiċ-ċentru tal-kontroversja, liema spazju kien tbattal minn Karmenu Mifsud Bonnici. Alfred Sant sejjaħ lis-segwaċi ta’ Konrad Mizzi biex jinżlu fit-toroq biex jiċċelebraw il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Waħdu, lil tal-Parlament Ewropew qalilhom li għandhom jippermettu lil Malta tagħti liċenzja lil bankiera korrotti bħal Ali Sadr. Dan l-aħħar stqarr li għandna ninjoraw lill-Kummissjoni ta’ Venezja u ma nirriformawx lill-istituzzjonijet tagħna.
U dan biex ma nsemmix il-fatt li Alfred Sant għamilha l-missjoni tiegħu li jżommna barra mill-Unjoni Ewropea. Missjoni li, b’xorti tajba, fallietlu kif kienet ukoll waħda ta’ falliment il-karriera politika twila tiegħu.
Għal dan għandu n-nostalġija, Evarist Bartolo. Grazzi ħafna. Iżda le grazzi.
Mid-dehra llejla qed jiġi mitlub jivvota biex itellaq lil Konrad Mizzi ‘l barra mill-grupp parlamentari tal-Partit Laburista. X’aktarx li Evarist Bartolo ser jiftaħar dwar il-prinċipji tiegħu u ser ifakkar dwar kemm il-darba kien appella għat-tkeċċija ta’ Konrad Mizzi.
Kien tkellem ħafna u baqa’ ma ċċaqlaqx. Fil-Parlament ivvota favurih meta kien hemm vot ta’ sfiduċja li permezz tiegħu seta’ tellqu ‘l barra hekk kif il-korruzzjoni tiegħu inkixfet għall-ewwel darba. Li kieku fl-2016 Evarist Bartolo għen biex jitkeċċa Konrad Mizzi, forsi ma konniex naslu fejn wasalna llum u Daphne Caruana Galizia għadha fostna.
Li kieku vvota kontrih, kien ikun ta prova li ġġieled b’serjetà kontra l-mafja. Id-deputati tal-PN kienu vvutaw biex jitkeċċa Konrad Mizzi iżda d-deputati tal-Labour riduh jibqa’. Wara kollox, jista’ jagħti l-każ li Evarist Bartolo tabilħaqq għandu xi lezzjonijiet li jista’ jitgħallem mill-imġieba tad-deputati tal-faċċata tiegħu.
Aħbar tajba kemm hi aħbar tajba li Konrad Mizzi tkeċċa mill-grupp parlamentari Laburista, jidher li tal-Labour qed jippermettu lill-partitarji rrabjati tagħhom jeħduhom kontra dawk li qed jipprotestaw qabel jieħdu azzjoni kontra l-ħallelin li hemm fi ħdanhom. Kemm jeħtieġ li jsiru protesti sa dakinhar li jiddeċiedu li ma jibqgħux ikomplu jagħtu l-kenn lil Joseph Muscat u li jgħadduh f’idejn il-ġustizzja?
Ma ġara’ xejn. Bi ħsiebna nibqgħu nipprotestaw kemm hemm bżonn sakemm issir ġustizzja.
U ma jkollniex għalfejn noqgħodu nagħtu każ David Agius li fuq in-Net TV llum qal li għandna nkunu grati lejn il-PN għat-tkeċċija ta’ Konrad Mizzi. Ma setax ikun aktar patetiku milli hu. Iżda għandna nifhmu li huwa meħtieġ għalih li jaqla’ ħobżu hu u jippretendiha ta’ deputat kap tal-oppożizzjoni ma’ kull belgħa kafe’ li jieħu mal-klikka ta’ Robert Abela.