Jien rajt ritratti ta’ gwardjani tal-ħabs jixorbu xorb alkoħoliku f’festini organizzati fil-ħabs mid-direttur tal-ħabs Alexander Dalli.
Ir-ritratti tqasqsu biex ma jintgħarfux il-gwardjani tal-ħabs li mxew fuq l-ordnijiet tat-tmexxija tal-ħabs. F’dan ir-ritratt imqasqas jidher id-direttur tal-ħabs Alexander Dalli isajjar l-ikel hu u jagħmel użu minn xabla ċerimonjali. Dan ir-ritratt ittella’ fil-Facebook minn gwardjan tal-ħabs.
F’ritratt ieħor jidher l-alkoħol li nxtorob fil-festini u dan minkejja l-fatt li x-xorb tal-alkoħol m’huwiex permess fil-ħabs.
Skont ordnijiet li nħarġu llum mid-deputat ta’ Alexander Dalli, Randolph Spiteri (ara r-ritratt) igħidu li l-“internet keys” huma projbiti fil-ħabs u li ser jittieħdu passi kontra kull min ikun fil-pussess tagħhom.
Din l-ordni ħarġet wara li nkixfet din l-istorja u minħabba l-biża’ li jittieħdu aktar ritratti li jkunu xhieda tan-nuqqas ta’ dixxiplina li hemm fil-ħabs.
Dawn il-festini fil-ħabs kienu intiżi biex iqawwu l-moral tal-gwardjani li kienu ntalbu jagħmlu xifijiet ta’ ġimgħa fl-4 ġimgħat ta’ għeluq minħabba l-imxijja. Lil dawk il-gwardjani li għamlu aktar minn dak li kien mistenni minnhom, Alex Dalli tahom stemma tal-familja tiegħu.