Persuna anonima fuq il-blog ta’ Simon Mercieca staqsiet mistoqsija importanti. L-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għaliex qed “jitlef ġuri wara l-ieħor”? Jekk inqiegħdu l-mistoqsija fi kliem ieħor, inkunu nistgħu nintebħu l-għala hi importanti: x’inhi r-raġuni li Malta mhux jirnexxilha twassal biex jiġu kundannati biżżejjed minn dawk li jgħaddu ġuri?
Din il-mistoqsija hi waħda importanti għax hi mwielda minn premessa korretta. Qed ikun hemm wisq ġurijiet li ma jwasslux għall-kundanna. Mingħajr ma noqgħod nidħol fil-mertu ta’ xi każ minnhom, jidhirli li l-liberazzjonijiet huma frott ta’ nuqqas f’xi stadju tal-proċess. Ikun ifisser li jew ikun għadda ġuri bniedem innoċenti, li jfisser ukoll li jkun għadda minn infern għal xejn, jew inkella bniedem ħati jkun irnexxielu jgħaddiha lixxa.
Hu x’inhu, ġaladarba l-prosekuzzjoni qed titlef daqstant kawżi fil-qorti, qed naslu biex nitilfu kompletament il-fiduċja fis-sistema ġudizzjarja. Jekk qed jgħaddu ġuri nies innoċenti, jew min ħaqqu piena qed joħroġ liberat – u jidher li din il-ħaġa qed tiġri ta’ spiss – kif qatt nistgħu nkunu ċerti li min jinstab ħati tassew ikun ħati?
Il-qagħda mhix waħda sabiħa. Meta l-Istat jonqos mid-dmir ewlieni tiegħu li jħares liċ-ċittadini li jobdu l-liġijiet minn dawk li jiksruhom, jibdew jinbtu d-dubji dwar is-saltna tad-dritt.
Ma nlumx li min jaħseb li qed naqbel ma’ xi ħaġa li kiteb dwarha Simon Mercieca. Imma stennew ftit.
Il-kittieb anonimu waħħal fid-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia. Simon Mercieca jedha bl-attakki fuq Galea Farrugia għal raġunijiet li huma minn ewl id-dinja. Philip Galea Farrugia qed imexxi l-prosekuzzjoni kontra Yorgen Fenech, u Simon Mercieca jaħbat l-avukat mhux liċenzjat ta’ Yorgen Fenech barra l-Qorti. Simon Mercieca ilu jipprova jimmina u se jkompli jipprova jimmina lil Philip Galea Farrugia u lil kull min qed jagħmel ħiltu biex Yorgen Fenech ma jgħaddihiex lixxa.
Il-verità hi li Philip Galea Farrugia għal għemilu biss huwa responsabbli. Ċertament mhuwiex responsabbli għall-imġiba ta’ kull avukat li jaħdem fl-uffiċċju tal-prosekutur. Kieku kellna nwaħħlu f’xi ħadd għal dan in-nuqqas, mela għandna nippuntaw mhux lejn id-Deputat tal-Imgħallem imma wkoll lejn l-Imgħallem innifsu, jiġifieri l-Avukat Ġenerali, li issa hi Victoria Buttigieg. Qabilha, għal bosta snin, kien hemm il-famuż Peter Grech.
X’inhi r-raġuni l-għala l-prosekuturi qed jitilfu daqstant kawżi? Jien ngħid li x’aktarx minħabba nuqqas ta’ esperjenza. Ma tantx hemm prosekuturi li għalqu l-40 sena. Bosta mill-prosekuturi ta’ esperjenza issa laħqu mħallfin u maġistrati u llum issibhom ifittxu x-xagħra fl-għaġina f’kawżi fjakki preżentati minn min laħaq flokhom fl-uffiċċju tal-prosekutur.
Peress li numru sostanzjali ta’ prosekuturi jew qed jirtiraw jew inħatru fil-ġudikatura, il-biċċa l-kbira tal-kumplament huma biss prinċipjanti li tqabbdu ftit wara li ggradwaw mill-università. Bosta jingħaqdu mal-uffiċċju tal-prosekutur biex imbagħad wara xi żmien jingħaqdu ma’ xi ditta legali privata.
U dan mhux għax qed jitħallsu bis-sittiet. L-avukati fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali huma mħallsin pjuttost tajjeb, speċjalment meta wieħed jikkunsidra l-età u l-esperjenza ta’ bosta minnhom. Imma wara li jkunu akkwistaw l-esperjenza, ħafna minnhom ifittxu li jaħdmu bħala avukati difensuri.
Fil-prinċipju, m’hemm xejn ħażin meta wieħed jagħżel li jirrappreżenta l-klijenti f’kawża. Il-ħasra hi lid-difiża tal-poplu Malti ma tantx hi vokazzjoni mfittxija minn ħafna.
Din hi sitwazzjoni ta’ niket. F’dawn il-ġranet saret sejħa biex avukati jidħlu jaħdmu fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Jeħtieġ li jkollhom il-warrant ta’ Avukat u sena esperjenza.
Sena esperjenza!
Sitwazzjoni li nxebbagħha ma’ sejħa għal kirurgi tal-qalb biex jaħdmu fl-isptar pubbliku dment li t-tabib jipprova li ilu tabib għal sena.
Fl-aħħar mill-aħħar, l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali – minħabba ppjanar ħażin u nuqqas ta’ avukati ta’ esperjenza – sar apprendistat imħallas tajjeb għall-avukati li jkunu għadhom kemm laħqu.
Il-konsegwenza hi li, bħala nazzjon, bħala ċittadini li nħarsu l-liġijiet, m’aħniex rappreżentati u moqdijin b’mod xieraq. Għandhom kemm għandhom rieda tajba, l-prosekuturi huma neqsin mill-esperjenza. U dan biex ma nsemmix is-snin li suppost dawn damu jaħdmu taħt il-gwida ta’ avukati ta’ esperjenza. Dawn ma jistgħux ilaħħqu mal-livell u mar-riżorsi u l-esperjenza li għandhom l-avukati difensuri.
M’għandniex xi ngħidu, l-kriminali l-għors jaraw lill-prosekuzzjoni mmexxija mill-prinċipjanti. Li kieku kellu jitneħħa Philip Galea Farrugia mill-każ, Yorgen Fenech żgur mhux se jiddispjaċih.
Għalkemm dejjem hemm lok għal titjib fis-salarji u ċ-ċansijiet ta’ mixi ‘l quddiem fil-karriera, jidher biċ-ċar li l-infiq ta’ aktar flus u l-ftuħ ta’ uffiċċji aktar lussużi mhumiex ser iwasslu biex l-Istat ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu servizz ta’ prosekuturi li jassigura li jingħataw sentenzi importanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità. Jeħtieġ li jkun hemm pjan aħjar.
Min jirrappreżenta l-Istat Malti jkun qed tirriskja s-sigurtà tiegħu biex jiġġieled kontra l-mafja, jkun qed jagħżel id-dmir fuq il-privileġġ, ikun qed jagħżel is-servizz pubbliku minflok profitt personali, ikun qed jiġġieled għas-sewwa minkejja t-tentazzjoni tal-korruzzjoni u kollużjoni u jkollu ma’ wiċċu theddid ta’ vjolenza u ta’ tpattija. Dawn huma valuri li llum ma ssibhomx b’nemes f’ħafna professjonijiet.
Li wieħed jaħdem bħala avukat għal Malta għandu jkun dmir patrijottiku. Iżda f’moħħ bosta minna, l-patrijottiżmu ma jfisser xejn ħlief attakki fuq minn għandu karnaġun differenti minn tagħna.