Mingħalina li ninsabu fis-sena 2021. Iżda l-fatti juru li erġajna lura għas-sena 1984.

Player tal-waterpolo ġie sospiż milli jilgħab f’10 logħbiet u ġie mmultat €960 wara li l-kummissarju tad-dixxiplina tal-għaqda li tmexxi dan l-isport sabu ħati li hedded li joqtol uffiċjal tal-għaqda li torganizza l-logħob tal-waterpolo.

Lest naħfrilkom jekk taħsbu li din mhi xejn ħlief storja minn tas-soltu li ssib ruħha fil-paġni tal-isport.

Iżda fil-fatt hi storja li tqanqal interess għaliex il-player in kwistjoni magħruf bħala pezzakwistjoni mill-kbar.

Fl-2010 dan il-bniedem kien ingħata l-libertà kundizzjonata għal 3 snin wara li huwa ammetta li ta bis-sieq lit-tabib tal-iskwadra avversarja. Fi tmiem logħba, dan kien ħa sehem fi ġlieda bejn skwadri avversarji u kien ammetta li għamel storbju.

Għaldaqstant wieħed jista’ jgħid li ma kien hemm xejn ġdid u li l-inċident kien ħaqqu li jiġi rappurtat.

Fil-fatt dan l-inċident il-ġurnalisti tat-TVM xandruh.

Iżda xi ftit tal-ħin wara, dan ir-rapport tħassar. Tgħid għax kien hemm xi skorrettezzi fir-rapport? Ċertament li le. Ir-rapport spiċċa biex tħassar għaliex dan il-player pezzakwistjoni inzerta li jismu Ranier Scerri. U ħuh iż-żgħir jismu Clint Scerri.

Clint Scerri kien jaħdem fil-Ministeru tal-Ministru Michael Falzon qabel feġġ l-iskandlu Gaffarena u qabel spiċċa biex twarrab l-istess Falzon.

Clint Scerri allegatament kellu xi kuntatti ma’ Mark Gaffarena fiż-żmien li kien feġġ l-iskandlu dwar proprjetà fi Triq Zekka fil-Belt Valletta. Minn rapport li sar mid-Dipartiment tal-Internal Audit u tal-Investigazzjonijiet (IAID), irriżulta li Clint Scerri kien preżenti fil-laqgħat li kienu saru bejn id-Direttur tal-Estate Management u Mark Gaffarena. Dan Clint Scerri akkumpanja lil Gaffarena fit-Taqsima tal-Proprjetà tal-Gvern biex jiġi finalizzat il-kuntratt ta’ esproprjazzjoni.

Wara li tat-TVM xandru rapport dwar l-inċident li fih kien imdaħħal ħuh Ranier, il-player tal-waterpolo għamel pressjoni kbira fuq it-TVM biex dawn iħassru r-rapport. U f’inqas minn 90 minuta r-rapport sparixxa. Jien ninsab infurmat li Ranier Scerri stqarr li “l-Partit kien qed jagħtih l-appoġġ kollu”.

Lil Norma Saliba, editur tat-TVM, tlabtha tispjegali l-għala l-istorja tneħħiet u staqsejtha wkoll jekk id-deċiżjoni li titneħħa kellhiex rabta mal-fatt li Ranier u Clint Scerri kellhom lil min jaqlagħhom. Naturalment din baqgħet ma weġbitx.

Ranier Scerri appella mis-sentenza.