Repubblika llum stqarret li s-sentenza li tat il-Qorti llum turi biċ-ċar li Simon Busuttil kien għadda kumment ġust meta stqarr li Edward Scicluna ma jistax jibqa’ fil-kariga ta’ Ministru tal-Finanzi wara li kien wieħed minn tliet persuni investigati minn inkjesta maġisterjali dwar l-imġiba tagħhom f’każ ta’ ħasil ta’ flus maħmuġin.

Edward Scicluna, flimkien ma’ Chris Cardona u Konrad Mizzi jinsabu għaddejjin inkjesta li ntalbet minn Repubblika dwar l-imġiba tagħhom fejn għandu x’jaqsam il-bejgħ ta’ tliet sptarijiet pubbliċi.

Ma baqgħetx tenibbli l-pożizzjoni ta’ Edward Scicluna bħala Ministru tal-Finanzi dakinhar li Maġistrat iddeċida li jniedi inkjesta. Il-ministru tal-finanzi għandu rwol kruċjali fejn jidħol it-tħaris tal-kredibilità finanzjarja ta’ pajjiżna.

Fil-Qorti, Edward Scicluna lmenta li l-kumment li kien għadda Simon Busuttil għamillu l-ħsara fiż-żmien meta l-Kummissjoni Ewropea kienet qed tgħarbel in-nomina tiegħu biex isir Kummissarju Ewropew.

Minn dakinhar ‘l hawn, Edward Scicluna spiċċa minn Ministru tal-Finanzi u ma kienx inħatar Kummissarju Ewropew iżda nħatar bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali, kariga li hi waħda kruċjali għal Malta biex terġa’ tirbaħ ir-reputazzjoni tajba li kellha bħala ġuriżdizzjoni finanzjarja serja.

Minflok twikkejna bi Gvernatur li, kif kien stqarr Simon Busuttil, “jinsab imdaħħal f’investigazzjoni dwar il-ħasil tal-flus maħmuġin”.

Għal Edward Scicluna, skont Repubblika, is-sentenza li ngħatat illum mhi xejn ħlief twissija oħra li mhuwiex tenibbli għalih li jibqa’ jokkupa ħatriet pubbliċi minħabba mġiba li għamlet tant ħsara lill-pajjiż.