Fornitur ewlieni ta’ slot machines u ta’ logħob tal-kasinò Novomatic “issospenda” s-servizzi mogħtija lis-swali tal-logħob Portomaso u Oracle tat-Tumas Group wara li qorti ddeċidiet li Yorgen Fenech u uffiċjali għolja oħra tat-Tumas Group għandhom iwieġbu għal akkużi li użaw is-swali tagħhom għall-ħasil tal-flus.

Sorsi fit-Tumas Group qaluli li Novomatic, kumpannija bażata fl-Awstrija, informat it-Tumas Group li kienet ser tissospendi n-negozju magħhom minħabba “s-sitwazzjoni legali preżenti tat-Tumas Group u tat-Tumas Gaming Group”.

Din id-deċiżjoni ser tfisser ukoll sospensjoni tal-provvista ta’ spare parts.

Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li fil-qorti din il-ġimgħa rriżulta li s-sidien ta’ Portomaso u ta’ Oracle kienu bagħbsu fil-makni tal-logħob biex irebbħu lil min ikunu jridu huma.

Nhar it-Tnejn, ġurnalist tat-Times of Malta ikkwota mill-provi li ressqet il-Pulizija dwar messaġġi dettaljati li għaddew bejn Yorgen Fenech u Patrick Demanuele, uffiċjal tat-Tumas Group. ‘Tinsiex dawk it-€80,000’ kiteb Fenech lil Demanuele f’messaġġ wieħed.  ‘Se jmur l-Oracle kuljum. Aħjar nirranġawlu jackpot…. Imbagħad aqbad €10k u mur għal btala tajba.’

Nhar it-Tnejn li għadda, jien ktibt li l-kelma “jackpot” (u f’partijiet oħra tal-konversazzjoni ntużat il-kelma “bonus”) tagħti wieħed x’jifhem li s-suġġett kien dwar rebħ mis-slot machines. Dawn il-makni jiġu siġillati mir-regolatur tal-gaming, l-MGA, u dan biex min jilgħab ikollu garanzija li l-logħob ma jkunx fih tbagħbis u li ċ-ċans ta’ rebħ jkun dak li jgħidu li hu. Fi kliem ieħor, il-lagħba jkollhom moħħhom mistrieħ li l-makni mhumiex imbagħbsa.

Jien ktibt li jekk huwa minnu li dawn il-makni huma mbagħbsa, minkejja l-garanziji tal-MGA, din il-kwistjoni għandha tiġi investigata b’mod serju.

Fi tweġiba għal dan il-kumment, il-kelliem mhux uffiċjali ta’ Yorgen Fenech, Simon Mercieca, kiteb fil-blog tiegħu li l-kumment li għamilt jien dwar dak li ntqal fil-qorti kien biss “fake news”.

Fil-fatt, kien Simon Mercieca li tabilħaqq semma lil tan-Novomatic għall-ewwel darba. Fil-blog tiegħu huwa kiteb li l-Oracle Casino ta’ Fenech hu mmexxi mill-kumpannija Awstrijaka Novomatic. Huwa kompla jistaqsi x’interess jista’ jkollhom tan-Novomatic li jbagħbsu fil-makni tal-logħob biex irebbħu xi ħbieb ta’ Yorgen Fenech. Skont Mercieca, din il-kumpannija mhix daqshekk belha li ser tirriskja tħammeġ ir-reputazzjoni tagħha u staqsa: min jaf l-ispettur tal-pulizija investigax lill-mexxejja ta’ din il-kumpannija Awstrijaka qabel ħareġ l-akkużi kontra Yorgen Fenech?

Minkejja l-garanzija ta’ Simon Mercieca li “Manuel Delia jew ma jafx kif jaħdem każinò jew inkella jrid iqarraq,” il-fornituri msemmijin minn Simon Mercieca bħala garanti li l-logħob mhuwiex imbagħbas, f’dawn l-aħħar sigħat issospendew il-fornimenti tagħhom lit-Tumas Group.