Rosa Parks, b’att sempliċi, waħedha, b’dinjita’ u bit-tlett kelmiet ‘No, I’m not’, irrifjutat li tagħti postha lil persuna ta’ karneġġjon bajda fuq tal-linja. Kollha nafu x’ġara wara. Revoluzzjoni sħiħa, mibdija minn mara li kienet xebgħet tiġi meqjusa bħala ċittadina second class, bla moħħ, bi drittijiet inqas minn ħaddiehor. Hi stqarret li  ‘No, the only tired I was, was tired of giving in.’

Coco Chanel ġabet il-ġlieda għall-ugwaljanza fid-dinja tal-moda; użat it-talent tagħha biex tkompli t-taqtigħa b’mod paċifiku. Qalbet kollox ta’ taħt fuq. Il-ħsieb tagħha? ‘The most courageous act is to still think for yourself. Aloud.’

Daphne hekk għamlet. Kienet taħseb b’moħħha, u l-ħsibijiet, l-emozzjonijiet  u iva anke rabja u dispjaċir, iżda fuq kollox, id-disprezz għall-inġustizzji kienet tpinġihom bil-kitba. Kienet tlissen dak li taħseb. Naħseb kollha niftakruha din ‘It’s true that life is unfair and much of it can‘t be helped. But where I can do anything to avoid unfairness or to set it straight then I will”.

Anke meta kienet tiġi sfidata, irredikolata, imweġġa’, mgħajjra…. baqgħet issemmi leħinha.

U meta inqatlet?

Qomna nitkellmu aħna. Qabel ma ġara dan kollu, forsi konna nlissnu xi kelma bejnietna, ma’ nies li jaqblu magħna, u jekk ma kienux jaqblu magħna, forsi ma konnux inħossu l-bzonn li nkomplu nisħqu. 

Iżda issa inħossu l-bżonn li nitkellmu, nitkellmu b’leħen li qed jinstema’ iktar, qed jinstema’ jidwi mad-dinja kollha, b’mod sod u bla tlaqliq; leħen imbuttat fil-beraħ minħabba l-bżonnijiet ta’ dan il-pajjiż u tal-poplu Malti u tal-poplu Ewropew.

Aħna ta’ Occupy Justice, ma nistennewx grazzi. Aħna, ta’ Occupy Justice, nisa normali, ċittadini normali, li konna ngħixu ħajja li ġġib magħha ferħ, imrar, sfidi. Ħajja pjuttost normali. Issa qed ngħixu hajja mhux b’dawn l-affarijiet kollha biss, imma ħajja li qed turina x’hemm bżonn issir; qed inwieġbu s-sejħa ta’ pajjiżna, sejħa ta’ nies li għandhom bżonn leħen, nies li jridu u jistħoqqilhom pajjiż normali, u pajjiż demokratiku. B’leħinna qed niġġieldu u ninbuttaw il-korruzzjoni u l-inġustizzji. 

Dik hija l-uniku imbuttatura tagħna, l-imbuttatura li hawn bżonn u li qed issir. Ninbuttaw lura l-ħażen, ninbuttaw lura r-rgħiba, ninbuttaw lura is-serq minn ħalqna u ħalq uliedna.

Ninbuttaw lura l-gideb.

U dawk li qed jimbuttaw huma dawk in-nies onesti, li jaħdmu id f’id għall-aħjar ta’ pajjiżna, għall-gwadann ta’ pajjiżna, fl-għaqda u fil-paċi, biex ikollna pajjiż ħieles mix-xkiel ta’ ħażen, min-nassa li wasslet għar-raġuni li qegħdin hawn illum. Pajjiż fejn wieħed jista’ jitkellem mingħajr biża’, mingħajr theddid, mingħajr xkiel ta’ min għandu x’jaħbi. Mingħajr ma għandu jibża’ li jekk jikkritika jiġi mbuttat ‘il barra mis-soċjeta’.

Pajjiż li jagħmel dehen lil missirijietna u li jagħti futur lil uliedna.

Michelle Obama qalet:

‘You may not always have a comfortable life or you will not always be able to solve the world’s problems at once, but don’t ever underestimate the importance you can have, because history has shown us that courage can be contagious and hope can take on a life of its own’.

Din hija l-imbuttatura tagħna.