Waqt intervista qasira l-bieraħ filgħodu fuq ir-radju Adrian Delia kompla jitfa’ ċ-ċnagen fuq saqajh. Qal li l-PN “tilef il-kredibilità u mhux qed jirnexxielu juri li ġedded lilu nnifsu”. Dan huwa diskutibbli iżda r-raġuni vera li għaliha saret din l-istqarrija mhix din.

Din l-istqarrija saret f’attentat biex iwaħħal fil-konklużjonijiet tar-rapport Egrant għas-sondaġġi tassew tal-waħx dwar l-affidabilità tiegħu mal-elettorat u dwar il-popolarità tal-partit.

Dak li stqarr m’hu xejn ħlief ħmerija mill-bidu sal-aħħar.

F’dawn l-aħħar sitt xhur ir-rata tal-affidabilità ta’ Adrian Delia telgħet għal madwar 24% u, bejn wieħed u ieħor, weħlet hemm kemm ilu li ħa r-riedni tal-PN. Is-segwaċi tiegħu jinsistu li l-benjamin tagħhom kien ġie elett demokratikament u li għalhekk għandu l-leġittimità politika meħtieġa. Għal din jeħtieġ issir tixbiħa ma’ dak li jiġri fil-kamp tal-football.

L-elezzjoni demokratika ta’ mexxej ta’ partit tista’ titqabbel mal-elezzjoni demokratika ta’ kowċ tal-football. Għalkemm maħbub mill-players – jew mill-biċċa ‘l kbira tagħhom – u dħuli, l-iskwadra titlef kull partita li tilgħab u l-klabb jibqa’ fil-qiegħ tal-klassifika.

Hi ħaġa tajba li wieħed ikollu l-leġittimità politika. Iżda wieħed jeħtieġ jiftakar li partit politiku m’huwiex każin tal-banda. Partit politiku għandu skop. Dan hu li jipprovdi lill-poplu b’alternattiva dwar min għandu jmexxih fil-gvern tal-pajjiż. U l-poplu jidher ċar li ma jridx jaf b’din l-alternattiva.

Agħtu ħarsa lejn ir-riżultati tas-sondaġġi dwar l-affidabilità tal-mexxejja kemm qabel kif ukoll wara li xxandru l-konklużjonijiet tar-rapport Egrant (Ġunju-Awwissu 2018).

Joseph Muscat avvanza ftit li xejn għalkemm qabeż il-50% f’dik li hi affidabilità. Din ir-rata ta’ affidabilità x’aktarx m’hix se tiċċaqlaq wisq. Dan ifisser li Joseph Muscat m’akkwista ebda appoġġ ġdid hekk kif ixxandru l-konklużjonijiet dwar l-inkjesta Egrant. Dawk li ddikjaraw li jemmnu lil Joseph Muscat kienu jaħsbu l-istess f’Ġunju li għadda.

Ipparagunaw dan kollu mar-riżultat li kiseb Adrian Delia. Tilef madwar 9 punti perċentwali minn Ġunju ‘l hawn: dan huwa tassew sinjifikanti għax jammonta għal madwar terz ta’ dak li kellu. 

Ċertament wieħed ma jistax iwaħħal f’Adrian Delia għall-konklużjonijiet tar-rapport tal-inkjesta Egrant. Għamel sforz biex dan jifhmu kulħadd ftit minuti biss wara li xxandru l-konklużjonijiet tal-inkjesta. Dan kien il-mod li biħ dawk il-membri tal-Kunsill Amministrattiv, li ma ħassewhomx komdi li jdaħħlu s-sejf f’dahar il-mexxej ta’ qabel, kienu ġew konvinti li azzjoni bħal din kienet meħtieġa: kien jeħtieġ li jitwarrab Simon Busuttil biex ma jeħilx il-partit bil-konklużjonijiet dwar l-inkjesta Egrant.

Din l-istrateġija falliet u Adrian Delia tilef l-appoġġ minn fost is-segwaċi tiegħu mhux minħabba l-konklużjonijiet tar-rapport tal-inkjesta innifisha iżda minħabba l-mod kif aġixxa u kif ħab ruħu: wera’ li m’għandux ħiliet f’dik li hi tmexxija u għaqal.

Tant qiegħed jagħżaq li tal-Labour stess qed jinkwetaw li PN jista’ jibdel lil Adrian Delia b’xi ħaddieħor. Araw x’kiteb f’tweets Kurt Farrugia kmieni filgħodu.