Hemm ħaġa li ma tagħmilx sens f’dak li Adrian Delia qal lil The Sunday Times of Malta ‘l bieraħ. “M’hemm xejn fl-1500 paġna tar-rapport dwar Egrant, li s’issa għadu ma xxandarx kollu kemm hu, li jista’ jibdel il-konklużjonijiet ċari li wasal għalihom”

Mhux daqshekk diffiċli li wieħed jasal biex jifhem liema ħabel qed jiġbed Adrian Delia. Biex jagħti kenn lil Joseph Muscat, ħadha kontra l-kollegi tiegħu stess, kontra ta’ qablu, kontra l-impjegati tiegħu u kontra dawk li jivvotaw lill-partit tiegħu. Bis-saħħa tal-istqarrija li għamel, tefa’ ċangun fuq saqajh.

Kulma għandu jagħmel issa l-avukat ġenerali generali huwa li, fit-tweġiba tiegħu għat-talba li għamel Adrian Delia fil-qorti sabiex jixxandar ir-rapport sħiħ,  jikkwota dak li stqarr Adrian Delia innifsu. Ibqgħu ċerti li l-avukat ġenerali se jistaqsi jekk huwiex fl-interess pubbliku li jixxandar ir-rapport sħiħ kemm il-darba dan m’hu se jbiddel xejn mis-sustanza tal-konklużjonijiet u ġaladarba saret ammissjoni bħal din minn min qed jitlob li jixxandar ir-rapport. L-avukat ġenerali se igħid li l-interess pubbliku diġà ġie mħares.

Għat-tieni darba fi żmien ġimgħatejn, Adrian Delia iddendel bil-ħabel tiegħu stess.