Entità bl-isem Pilatus Holdings ħarġet stqarrija li permezz tagħha qalet li għandha titneħħa l-immunità ewroparlamentari ta’ David Casa sabiex ikunu jistgħu jwerwruh b’xi kawża.
Kuntrarjament għal dak li ġie rappurtat illum fl-istampa, Pilatus Holdings m’huwiex bank. Allura mhux minnu li llum kien hemm xi kunflitt bejn ewroparlamentari u bank. Pilatus Holdings hi entità li kienet tmexxi bank. Iżda l-bank tneħħa minn taħt idejha u qed jitmexxa minn persuna maħtura mir-regolatur bankarju.
Pilatus Holdings m’hix bank. Pilatus Holdings hi Ali Sadr Hasheminejad innifsu.
Dan il-ħalliel arroganti li uża r-reputazzjoni tajba ta’ pajjiżna sabiex igħaddi flejjes illegalment ġewwa u barra l-Iran; dan il-manigold li jinsab miżmum f’post ristrett taħt pleġġ ta’ $38 miljun; dan it-taparsi bankier li kien il-kaġun li l-credit rating tal-banek tagħna ħadet daqqa ‘l isfel u li tort tiegħu se jbatu tant negozji minħabba l-ħsara li għamel lir-reputazzjoni tagħna: dan l-imbierek issa jrid jilgħabha tal-ors u “jisfida” lil David Casa biex iċedi l-immunità parlamentari.
Dan huwa l-istess Ali Sadr li ħarrek lil Daphne Caruana Galizia għal $40 miljun f’Arizona għaliex, li kieku ħarrikha f’Malta, kienet tiddefendi lilha nnifisha u kienet tkun kapaċi toħroġ il-ħmieġ kollu tiegħu fil-qorti. U issa dan il-maħmuġ inkallat irid lil David Casa jċedi l-unika protezzjoni li għandu kontra l-abbużi.
Dan huwa l-istess Ali Sadr li ttanta jaħrab mill-ġustizzja Amerikana wara li kien ilu jaħrabha snin sħaħ u li issa jinsab ikkalzrat f’parti ristretta ta’ New York, qed jażżarda jxejjen il-kuraġġ ta’ Maria Efimova hu u jgħajjarha maħruba.
Dan huwa l-istess Ali Sadr li hedded u ntimida biex igħatti xturu u li għatta l-fatt li hu l-bankier tal-werrieta tad-dittatur tal-Ażerbajġan, issa jażżarda li jikkwota mill-konklużjonijiet tal-inkjesta li fil-fatt ikkonfermat dan kollu.
Se nuża lingwaġġ li ta’ spiss jingħad fil-konfront ta’ David Casa. M’huma xejn ħlief tradituri ta’ pajjiżhom dawk li jappoġġjaw ħalliel frodist mill-Iran li jridha ta’ bankier u li għamel tant ħsara lir-reputazzjoni ta’ dan il-pajjiż kontra ewroparlamentari elett mill-Maltin li qed jiġġieled qatigħ għal pajjiżu.
Ali Sadr jiżbalja jekk jaħseb li se jwaqqafni meta jsemmi kwistjonijiet ta’ razza. Naf li dak li qed nikteb, Ali Sadr qiegħed jaqrah. M’għandi ebda preġudizzju kontra tiegħek għaliex inzertajt li int m’intix Malti. Lanqas għandi xi preġudizzju kontra tiegħek għaliex int mill-Iran.
Jekk xejn, huwa proprju int li tinsab kundizzjonat mill-fatt li int twilidt fl-Iran. Li ma kienx hekk ma kontx toqgħod tħallas l-eluf biex takkwista passaporti ta’ pajjiżi oħra biex taħbi l-identità Iranjana tiegħek. Għamilt karriera sħiħa tgħaddi lin-nies biż-żmien billi ġġiegħelhom jaħsbu li l-flejjes kbar li kont qed tperreċ ma kinux ġejjin mill-Iran. Aktar kmieni din is-sena kaxkruk lejn il-qorti fl-Istati Uniti u taf li, jekk tinstab ħati, se jkollok tiekol ikla ħabs għal għomrok. U li kieku kellek tinstab ħati f’pajjiżek għall-istess reati kriminali, oqgħod żgur li tirbħek il-forka.
Din hi r-raġuni għaliex għażilt li topera minn Malta: għax Malta mmexxija minn ħallelin bħalek li għattewlek xturek, li tawk il-liċenzja, li ħallewk tħawwad fil-libertà, li xorbu miegħek fit-tieġ tiegħek u li, waqt li kont fil-ħabs, ħadu ħsieb li jħarsulek ġidek u jintimidaw dawk ix-xhieda kollha li setgħu jkunu ta’ tfixkil.
Ħbiebek, il-prottetturi tiegħek u ġidek huma affarik. Iżda llum fakkartna li se tibqa’ ndannat u fgat f’demmek jekk is-sena d-dieħla niżguraw li David Casa jiġi konfermat bħala ewroparlamentari.