Sa ċertu punt, l-istorja li xandart jumejn ilu dwar is-saċerdot anzjan li ammetta li kien abbuża minn persuna taħt l-età xi snin ilu, tmur lil hinn mit-tema ġenerali li s-soltu jittratta dan il-blogg. Dan il-website inmexxieħ waħdi u mhux qed nippretendi li għandi l-ħila li nikkompeti mal-mezzi tax-xandir li għandhom il-mezzi kollha li jwasslulkom aħbarijiet dwar dak li qed iseħħ fil-pajjiż.
Iżda, mill-banda l-oħra, l-istorja li xandart tikkumplimeta l-missjoni ta’ din il-website li tkun it-tarka tal-vulnerabbli kontra l-impunità ta’ min ikollu xi setgħa f’idejh. Għaliex l-abbuż klerikali tal-minuri m’huwiex biss abbuż sesswali. Huwa fil-fatt abbuż ta’ poter. Il-kappillani u l-isqfijiet m’humiex eletti fil-kariga tagħhom iżda dan ma jfissirx li m’għandhomx iwieġbu għal għemilhom.
Hemm ukoll il-kuntest kulturali li huwa fattur komuni bejn l-istejjer ta’ abbużi fil-Knisja ta’ persuni taħt l-età u stejjer oħra ta’ abbuż ta’ poter. Hawn tispikka t-tendenza li wieħed iwaħħal it-tort fuq il-vittma u ta’ dawk li jappoġġjaw lil min ikun ikun għamel il-ħażin li ma jemmnux l-evidenza u jitolbu li jinġiebu aktar “provi”.
F’dan il-kuntest ikun importanti wkoll li l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jaħdmu b’mod effettiv u mingħajr biża’ anki jekk fil-proċess jintrifsu l- kallijiet tas-setgħana.
Aħsbu ftit fuq l-istorja li ktibt dwarha madwar jumejn ilu dwar il-każ ta’ Karistu Sultana. Id-djoċesi ta’ Malta semgħet dwar il-każ ftit jiem ilu biss u minnufih is-saċerdot ġie sospiż, il-Pulizija ġiet infurmata u tnieda proċess intern.
Fid-deher jidher li l-makna istituzzjonali ħadmet kif suppost.
Madankollu żewġ membri anzjani tal-kleru Għawdxi kienu ilhom sentejn jafu bil-każ u Karistu Sultana kien ammetta l-abbuż għallinqas ma’ wieħed minnhom. Is-saċerdot kien telaq mid-djoċesi għal kollox, mar Malta u x’aktarx kompla jeżerċita s-saċerdozju f’Malta għal sentejn sħaħ.
Biex wieħed ikun jista’ jaċċetta dak li stqarr l-Isqof Mario Grech fis-sens li huwa sar jaf bil-każ għall-ewwel darba f’Lulju li għadda, jeħtieġ li wieħed jaċċetta wkoll bħala minnha l-istorja li saċerdot anzjan kien qed jimmedja mal-vittma u li dan ma nfurmax lill-Isqof dwar l-ammissjoni ta’ Sultana. Jkun jeħtieġ ukoll li naċċettaw li l-Isqof Mario Grech qatt ma kien staqsa x’kienet ir-raġuni li membru tal-kleru ewlieni f’Għawdex li serva ta’ Arċipriet tax-Xagħra għal snin twal, żamm ruħu ‘l bogħod mid-djoċesi għal sentejn sħaħ.
L-abbuż sesswali mill-minuri, l-impatt psikoloġiku negattiv fuqhom u l-feriti psikoloġiċi li jħalli fuq ħajjithom huma skandlu mill-aktar gravi. Iżda x’jagħmlu jew li jonqsu li jagħmlu dawk l-isqfijiet li jsiru jafu b’abbuż, huwa skandlu akbar.
Il-kwartier ġenerali tal-Knisja Kattolika jinsab fil-Vatikan iżda huma l-isqfijiet li jikkmandaw f’pajjiżhom. L-awtorità u l-influwenza tagħhom hi tali li jmexxu b’awtonomija kważi indiskussa. Din is-sitwazzjoni tat is-saħħa lill-isqfijiet li jgħattu d-dnubiet u x-xtur f’każijiet ta’ abbużi sesswali.
Dan, wara kollox, huwa l-qofol tal-iskandli li seħħew fl-Irlanda, f’Massachusetts u riċentement f’Pennsylvania.
U f’dawn il-każijiet kollha kien jeħtieġ l-intervent tal-istat sabiex tkun tista’ tibda’ investigazzjoni spassjonata dwar dawn l-abbużi.