L-editorjal tat-Times of Malta tal-lum jittratta dwar ix-xebħ fil-mod kif iġibu ruħħom Michelle Muscat u Nickie Vella de Fremaux. L-editur isejjħilhom WAGs u jipparagunahom man-nisa ta’ footballers professjonali li wħud minnhom huma magħrufa għall-vujtaġni tagħhom.

U jikkritikahom talli jużaw il-pożizzjoni pubblika tagħhom biex iwaħħlu f’kulħadd – minflok fihom infushom – kull darba li jiżolqu fin-niexef.

Apprezzajt il-kontenut ta’ dan l-editorjal għaliex irnexxielu jqaxxar is-sitwazzjoni ħafna aħjar milli kelli l-ħila nagħmel jien dwar suġġett li ppruvajt nikteb dwaru żmien qabel.

Fi tweet, id-deputat Jason Azzopardi qabel mal-editorjal. Jien ma kellimtux iżda nassumi li ntebaħ li, hu u  japprova l-editorjal, ser ikun ukoll qed jirrita lill-kbarat tad-Dar Ċentrali. Mingħand Jason Azzoaprdi, Michelle Muscat ma kellhiex għalfejn tistenna kumplimenti.

Pierre Portelli kien pront u fi tweet b’risposta, sekondata minn Hermann Schiavone, wera’ l-istmerrija tiegħu.

Ma niskantax li Pierre Portelli ħadha kontra dak li kiteb Jason Azzopardi u bħala l-factotum tat-tmexxija tal-PN nikkonċedi li kien fid-dmir li jsib mezz kif seta’ jċanfar deputat tal-partit tiegħu stess talli dan qabel pubblikament mal-kontenut ta’ editorjal li kkritika lil mart l-imgħallem tiegħu.

Iżda Pierre Portelli żbalja bl-ikraħ fl-għodda li għażel. Huwa kkritika lill-editorjal u sejjaħlu “patetiku”. Aġġettiv bħal dan ma jirriflettix tajjeb fuq partit politiku li jippretendi li qed jinqala’ mill-qiegħ. Ir-relazzjoni tal-Partit mal-membri tal-istampa bħalissa jmissha qed titjieb u r-rappreżentanti tiegħu jmisshom qed jaħdmu id f’id biex itejjbu l-ħidma ta’ bejniethom.

Jason Azzopardi wieġeb billi kiteb li huwa “ġenn” li editorjal tat-Times of Malta wieħed isejjaħlu “patetiku”. Qal ukoll li meta wieħed igħid diskors bħal dan, ikun qed jaqbeż għal Michelle Muscat.

Ma nafx x’setgħet kienet l-intenzjoni ta’ Pierre Portelli. Iżda ibqgħu ċerti li mil-lum ‘il quddiem il-konversazzjonijiet li ser ikollu mal-ġurnalisti tat-Times of Malta se jkunu kemmxejn skomdi.

Fil-frattemp jista’ forsi jibda’ jaħseb dwar l-iskumdità li jista’ jħoss meta jlissen xi kelmtejn ma’ mart il-kap tiegħu. Għaliex – patetiku jew mhux – jekk jerġgħu jirrepetu ruħħom ix-xenati li tkellem dwarhom l-editorjal stennew li r-reazzjoni tkun aktar mifruxa.