Jekk int, waqt li tkun miexi fit-triq, tkun dejjem beżgħan li jista’ hemm xi ħadd lest għalik biex joqtlok, taħsibha darbtejn għandekx toħroġ timxi fit-triq. Il-biża’ li joqtluk taħdem bħall-forka. Hi għodda klassika wżata mill-Mafja.
Kull ġurnalist li ħadem fl-Italja jista’ jikkonferma li l-mod kif ġiet assassinata Daphne Caruana Galizia jixbaħ bil-wisa’ l-mod kif kienu ġew eliminati l-Imħallfin Giovanni Falcone u Paolo Borsellino. Lil dawn riedu mhux biss jeliminawhom minn wiċċ id-dinja. Riedu wkoll iwerwru lill-kollegi tagħhom.
Din l-intervista li Jonathan Ferris kien ta lill-BBC xi żmien ilu turina kif jaħdem moħħ bniedem li jkun qed jgħix fil-biża’.
U Maria Efimova rnexxielha tipperswadi żewġ qrati Griegi li kienet beżgħana għal ħajjitha.
Wieħed għandu dejjem jipprova jifhem kif jaħdem moħħ bniedem li jkun beżgħan u kif dan jinfluwenzalu egħmilu, kliemu u azzjonijetu.
Ir-reazzjonijiet ta’ bniedem beżgħan qatt ma jkunu uniformi. F’xi ġranet tista’ tkun irrabjat u f’oħrajn tista’ toqgħod sieket u miġbur fik innifsek. Jista’ wkoll ikollok sensiela ta’ ljieli bla ma tkun tista’ tagħlaq għajn m’għajn u dan jista’ jeffettwalek il-ġudizzju tiegħek. Barra minn dan l-iżolament u s-solitudni jkabbru s-suspetti u tispiċċa ma tista’ tafda lil ħadd.
Tifhmunix ħażin: mhux qed nirreferi għal ebda persuna in partikolari: la qed ngħid għal Jonathan Ferris’, la għal Maria Efimova u lanqas għal ħadd.
Qed nirreferi biss għal dawk li l-intenzjoni tagħhom tkun li jintimidaw lil ħaddieħor bl-eżempju tal-assassinju ta’ persuna oħra: ir-reazzjonijiet li jistennew li jkun hemm, l-iżbalji li jittamaw li jseħħu u l-biża’ li jittamaw li joħolqu.
Agħtu daqqa t’għajn lejn din l-istampa li llum tinsab mifruxa fil-media soċjali. Tista’ forsi tgħid li min ħoloq din l-istampa għandu gosti perversi jew qalb kiefra. U forsi hekk hu.
Jew inkella tista’ tindika ħaġ’oħra. Jista’ jkun li hu messaġġ lil Simon Busuttil li issa se jmiss lilu.
Ieqfu aħsbu ftit.
U mbagħad dommu dan il-messaġġ mal-għajjat ta’ Glenn Bedingfield sabiex titneħħa s-sigurtà madwar Simon Busuttil. Mal-gideb infami tal-prim ministru meta jittanta jpinġi lil Simon Busuttil bħallikieku hu l-moħħ wara kollox. Mal-isforzi ta’ wħud fil-partit ta’ Simon Busuttil stess biex ikunu kompliċi mal-akkużi li ġew imfajjra fil-konfront tiegħu. Mas-snin twal ta’ propaganda qarrieqa u attakki personal kontrih mill-mexxi tax-xandir tal-Labour. U mal-memorja friska u riċenti tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
F’dan l-istadju u fil-kuntest ta’ dan kollu, dik l-istampa issir theddida serja. F’din il-ħofra irrid narawk.