Il-kumpannija statali Veneżwelana taż-żejt PDVSA tinsab fiċ-ċentru ta’ investigazzjoni ġdida dwar ħasil ta’ flus b’rabta ma’ Malta u mal-Veneżwela wara li l-bieraħ ġew arrestati żewġ persuni li allegatament ipparteċipaw fi skema internazzjonali li tgħodd il-biljuni tad-dollari li saret bil-għan li jinħaslu flejjes misruqin mill-kumpannija bis-saħħa ta’ skemi foloz u sofistikati ta’ investiment.
Dalgħodu The Malta Independent on Sunday xandret rapport dwar l-iskandlu. U hemm aktar f’rapport li xxandar fil-Miami Herald.
Dan il-każ allegatament beda’ f’Diċembru 2014 permezz ta’ skema ta’ kambju ta’ flejjes li saret biex jinsterqu mill-PDVSA madwar $600 miljun ġejjin mit-tixħim u mill-frodi u biex jinħasel parti mid-dħul tal-iskema. Sa Mejju 2015, il-flejjes misruqa mill-PDVSA allegatament ammontaw għal madwar $1.2 biljun – id-doppju.
Id-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan qed jixli lil Matthias Krull, Ġermaniż ta’ 44 sena residenti fil-Panama u lil Gustavo Adolfo Hernandez Frieri ta’ 45, ċittadin Amerikan imwieled fil-Kolumbja.
Qed jingħad li bank Malti li għadu ma ssemmiex u kumpannija tal-investiment kienu kompliċi f’din l-istorja. Tabilħaqq id-Dipartiment tal-Ġustizzja jirrikonoxxi l-għajnuna tal-awtoritajiet Maltin fl-investigazzjoni.
PDVSA tinsab fiċ-ċentru tal-att tal-akkuża li ġie preżentat kontra Ali Sadr Hasheminejad mill-awtoritajiet federali Amerikani.
Skond l-akkużi li saru kontra Ali Sadr, il-kumpannija li ntużat fil-pjan biex jiġu evażi s-sanzjonijiet kienet Iran International Housing Corporation jew IIHC kumpannija tal-kostruzzjoni li nħolqot f’Tehran mill-holding company Stratus Group, li s-sidien tagħha huma l-familja Sadr. Fl-2007, IIHC ffirmat kuntratt li sewa’ $476 miljun ma’ kumpannija sussidjarja tal-PDVSA sabiex jinbnew eluf ta’ djar fil-Veneżwela.
Sabiex jiġi mistur l-involviment fin-negozju tal-kumpanniji Iranjani, Ali Sadr ħoloq sensiela ta’ kumpanniji fażulli u ta’ kontijiet bankarji. U seta’ jagħmel dan għaliex inqeda’ bl-iskema tal-passaporti ta’ Henley and Partners u xtara n-nazzjonalità ta’ St Kitts and Nevis.
Ali Sadr kien wieħed mis-sidien ta’ kumpannija Svizzera li ġġib l-isem Clarity Trade and Finance u ta’ oħra Torka li ġġib l-isem Stratus International Contracting.
Skond il-prosekuturi Amerikani, minn dokumenti u e-mails tal-kumpanniji rriżulta li saru sforzi biex jinkisru s-sanzjonijiet. F’ittra li ġġib id-data tat-22 ta’ Lulju 2011, skond kif ġie rappurtat fil-Financial Times u kif jidher mill-att tal-akkuża, direttur tal-IIHC talab ħlasijiet permezz ta’ kont bankarju f’isem Clarity Trade and Finance fil-Hyposwiss Private Bank Ltd ta’ Zurich. The Irish Times irrappurtat aktar dwar dan.
Il-fergħa ta’ New York ta’ JPMorgan tissemma’ bħala l-bank inermedjarju. L-ittra hi ndirizzata lil Dulcosa, il-kumpannija sussidjarja tal-PDVSA li ssorveljat il-proġett tal-kostruzzjoni tad-djar iffinanzjat mill-gvern. Id-direttur kiteb li l-flus għandhom jitħallsu lil Clarity Trade and Finance “peress li jeżistu diffikultajiet għat-trasferiment u ċ-ċaqlieq tagħhom”.
Għalkemm iż-żewġ każijiet jirrigwardaw ħasil ta’ flus ġejjin mill-PDVSA, dan ma jfissirx li l-Pilatus Bank u Ali Sadr għandhom xi rabta ma’ dan l-iskandlu l-ġdid li jorbot lil Malta mal-Veneżwela.
Madankollu minħabba l-fatt li, skond l-awtoritajiet Amerikani, l-awtoritajiet Maltin jafu bil-każ nistennew li r-regolaturi Maltin jinfurmaw lill-pubbliku dwar l-identità tal-bank u tal-kumpannija ta’ investiment u r-rabta li dawn għandhom ma’ dan l-iskandlu l-ġdid.