L-artiklu fis-Sunday Times of Malta tal-bieraħ ta’ John Vassallo fih x’tomgħod.

Se nsemmi biss punt wieħed kruċjali li jagħmel l-awtur fil-parti konklużiva tal-artiklu.

“Ħaġa tal-iskantament kif tal-Ministeru tal-Finanzi, l-Pulizija, l-awtoritajiet tas-servizzi finanzjarji u anki l-ogħla awtoritajiet tal-gvern ma marrux jiġru għand il-maġistrat b’talba biex tinħareġ warrant sabiex ikunu jistgħu jitolbu mingħand il-Microsoft bħala sid l-iSkype, traskrizzjoni jew recording ta’ dik il-famuża telefonata. Li kieku dakinhar wettqu dmirhom, illum nafu fiċ-ċert għal benefiċċju ta’ min kienet inħolqot it-tielet kumpannija.”

M’għandniex xi ngħidu, hemm ukoll il-Maġistrat Aaron Bugeja li, kieku ma qagħdx daqshekk attent biex żgur ma jsirx jaf min hu sid l-Egrant, kellu kull setgħa li jitlob aċċess għall-informazzjoni biex jistabilixxi x’kien intqal f’dik il-famuża konversazzjoni.

Mill-Panama Papers irriżulta li Karl Cini u impjegat ta’ Mossack Fonseca fil-Panama kellu jkollhom taħditiet dwar sid l-Egrant ftit żmien wara li Hearnville u Tillgate kienu ssemmew bħala proprjetajiet ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi rispettivament.

Wieħed għandu jassumi li fil-parti tar-rapport li ma xxandritx, Karl Cini igħid x’intqal f’dik il-konversazzjoni u għandi nifhem ukoll li igħid li fil-konversazzjoni l-prim ministru ma ssemmiex. Din hija naħa waħda biss tal-istorja.

Iżda tabilħaqq, għaliex għandna noqgħodu fuq dan meta l-istituzzjonijiet tal-istat kellhom is-setgħa li jakkwistaw recording u li jagħtuna tweġiba definittiva dwar dak li ntqal dakinhar? 

X’kienet ir-raġuni li qagħdu lura mill jagħmlu dan?

M’għandniex xi ngħidu, issa għadda ħafna żmien. L-e-mails tal-Panama Papers u tal-Egrant ilhom li xxandru kważi sentejn. Il-gvern, il-pulizija u l-prosekutur għamlu minn kollox biex itawlu biex b’hekk jassiguraw li kull prova ttir mar-riħ jew tinqered. Iż-żmien huwa l-akbar ħabib tal-ħalliel.

Inċidentalment John Vassallo kien avukat tal-Microsoft u jifhem sew l-obbligazzjonijiet legali tal-iSkype x’inhuma.