Il-Veneżwela huwa pajjiż li Keith Schembri kien jagħżel li jinvesti fih.

Minn dokumenti li jien stess rajt b’għajnejja, jirriżulta li Keith Schembri kien investa fis-sovereign wealth funds tar-Repubblika Bolivarjana tal-Veneżwela.

Permezz tal-kumpannija tiegħu Colsons, Keith Schembri investa ftit anqas minn $20,000 f’bonds maħruġa mill-istat tal-Veneżwela li minnhom kien qed jistenna li jdaħħal imgħax ta’ 12.75% u $30,000 oħra b’imgħax mistenni ta’ 9.25%.

L-investimenti inxtraw fl-2011 u kull imgħax li daħħal flimkien mal-kapital reġa’ ġie investit fis-snin ta’ wara.  

M’għandix informazzjoni dwar x’investimenti għamel Keith Schembri wara l-2015.

Il-ġid statali tal-Veneżwela reġa’ sab ruħu fiċ-ċentru tal-aħbarijiet wara li, skond id-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan, kumpannija Maltija tal-investiment ħaslet mijiet ta’ miljuni ta’ dollari misruqin. Bank Malti li ismu għadu ma ssemmiex jinsab ukoll mixli li assista fil-ħasil ta’ dawn il-flejjes misruqin.

Malta ssemmiet fl-aħbarijiet b’rabta mal-Veneżwela sa minn qabel Ali Sadr Hasheminejad, bħala sid f’Malta tal-Pilatus Bank, ġie mixli fl-Istati Uniti talli ħasel $100 million fil-Veneżwela u talli kiser il-liġijiet Amerikani li jirregolaw is-sanzjonijiet kontra l-Iran.

L-Inkjesta Egrant li ġiet konkluża dan l-aħħar ikkonfermat li Keith Schembri kellu kont bankarju personali mal-Pilatus Bank.