Jekk il-miżien jitbagħbas biex ixaqleb lejn naħa waħda; jekk il-ġustizzja titneħħielha l-għamad u x-xabla tintuża fl-interess ta’ naħa kontra l-interess ta’ oħra, il-ġustizzja ssir inġustizzja u l-liġi ssir delinkwenza.
Oġġettivament m’hemm ebda ksur tal-liġi meta l-pulizija tibgħat għal xi ħadd biex tinterrogaħ. Ikollu kemm ikollu appoġġ u jkun min ikun, ebda bniedem m’hu eżentat mill-iskrutinju ta’ dawk li dmirhom hu li jinfurzaw il-liġijiet. Wara kollox, din hu l-argument li jinġieb fil-konfront tan-nuqqas minn naħa ta’ min qed imexxi l-pulizija li tibgħat għal Keith Schembri u Konrad Mizzi, li t-tnejn li huma kisru l-liġijiet tal-pajjiż.
Għaldaqstant l-ewwel argument favur Jonathan Ferris u l-fatt li bgħatu għalih biex imur fil-kwartier ġenerali tal-Pulizija b’avviż minn qabel ta’ 12-il-siegħa m’huwiex li dan kien xi att illegali. Dan għad irridu narawħ fil-kuntest tal-kwistjoni kollha.
L-ewwel argument hu li dan l-aġir huwa frott l-abbuż tal-liġijiet bil-għan li jinqdew l-interessi ta’ “allegati” kriminali. Bħalissa hemm inkwiżizzjoni għaddejja. Dawk kollha li għandhom xi nformazzjoni dwar imġieba ħażina jew abbuż tal-poter minn naħa ta’ xi ras kbira u li huma lesti jxandru dak kollu li jafu qed jiġu mhedda u intimidati u, nażżarda ngħid, li hemm ir-riskju li l-pajjiż jerġa’ lura għaż-żmien meta l-arresti politiċi u t-tfiegħ ta’ nies fil-ħabs kienu xi ħaġa li tistenniha. Diġa’ kien hemm każ ta’ xhud li nżamm taħt arrest preventiv sakemm il-qrati barranin orndnaw ir-rilaxx tagħha.
Jonathan Ferris se jiffaċċja lill-eks imgħallmin tiegħu li, skont hu, keċċewh mill-impjiegi li kellu għax kien xewka fil-warrani tagħhom. Ian Abdilla kien waqqaf każ kontra wlied John Dalli li Jonathan Ferris kien investiga meta kien membru tal-korp tal-pulizija. Milli jidher minn dak li xxandar baxx baxx mill-gvern, illum bgħatu għalih fuq skuża li John Dalli u Jonathan Ferris kienu taw verżjonijiet differenti ta’ diskursata li seta’ kellhom bejniethom.
Ian Abdilla kien id-driegħ eżekuttiv tal-inkjesta ta’ Aaron Bugeja dwar Egrant u dwar jekk provi li ħarġu dwar il-Pilatus Bank jistgħux jinkriminaw lil Joseph Muscat. Iżda Ian Abdilla effettivament issorevelja wkoll il-ħidma tal-FIAU, l-aġenzija ta’ kontra l-ħasil tal-flus li mbagħad għaddiet biex keċċiet lil Jonathan Ferris mill-impjieg magħha meta kien appik se jmexxi bil-qorti fuq investigazzjonijiet li kienu għaddejjin u fuq oħrajn li kienu nbdew minn ħaddieħor.
Taħt Ian Abdilla, il-FIAU tat żmien lil tal-Pilatus Bank biex igħattu xturhom u fl-istess waqt dan l-imbierek għamel l-investigazzjonijiet għall-Maġistrat. Hemm min isostni li l-fatt li Jonathan Ferris wera’ li kien lest li jmexxi kontra rjus kbar setgħana jista’ jkun il-frott ta’ karattru kumplikat, ta’ kuraġġ straordinarju bla qies li qajla jimpurtah mill-konsegwenzi li jista’ jkun hemm għalih u għal oħrajn u ta’ għebusija tar-ras kważi soċjopatika. Iżda xogħol l-investigaturi u l-whistleblowers m’huwiex li jkunu dħulin iżda li jinvestigaw jew jikxfu l-ksur tal-liġijiet bla ma jħarsu lejn wiċċ ħadd. Dawn m’humiex jieħdu sehem f’xi tiġrija jew f’xi kompetizzjoni tas-sbuħija iżda qed jissieltu għal dak li hu sewwa, jiġri x’jiġri.
U din id-determinazzjoni testarda biex jagħmel is-sewwa għalih issarfet fil-ħolqien ta’ għedewwa li dalgħodu je jkunu faċċata tiegħu mogħnijin bl-awtorità u s-setgħa tal-istat: forza tal-pulizija politiċizzata li sservi l-iskopijiet r-reġim f’dik li hi manipulazzjoni tad-dmirijiet tal-membri tal-ġudikatura, f’dawk li huma ingaġġ u promozzjonijiet ta’ membri tal-korp tal-pulizija, f’dik li hi influwenza bla qies fuq regolaturi indipendenti u fil-kontroll u manipulazzjoni ta’ ġurnalisti.
Ebda reġim ma jixħet in-nies fil-ħabs mingħajr pretest u jiġri li jikkwotaw xi liġi u xi ksur tagħha bħala skuża biex iwarrbu minn mas-saqajn min kien xewka f’daharhom. Huma u jwarrbu lil Jonathan Ferris minn quddiem għajnejhom, x’uħud li ma jarawx aktar ‘il bogħod mill-ponta ta’ mneħirhom għad jingħataw raġunijiet biex jikkunslaw. U jidher ukoll li se jingħataw raġunijiet biex ma jafdawx lil Maria Efimova. L-iskuża tal-“motivazzjoni politika” ċertament mhux se ssib sostenn f’dawn iż-żewġ każijiet għaliex jafu li ma tkunx skuża kredibbli. U allura jaqbel li jżidu d-doża u jakkużawhom bi sperġur, frodi u pussess illegali ta’ sigrieti tal-istat. Oqgġodu żguri li xi ħaġa se jivvintaw, għax hekk jaqbel.
U whud – jien ngħid il-biċċa ‘l kbira – se jserrħu moħħhom li l-ħtija ġiet pruvata u li allura l-penitenza kienet mistħoqqa.
Stennew aktar ħmerijiet mingħand Martin Scicluna u kitbiet orkestrati minn membri tal-Kabinett. U fl-istess ħin ikollna nissaportu nisimgħu lil Konrad Mizzi jkompli jigdeb permezz tal-kelliem uffiċjali tiegħu u jinsisti li ġaladarba l-pulizija ma bgħatitx għalih, sinjal li m’għamel xejn ħażin.
F’pajjiż fejn ġurnalista spiċċat trietaq permezz ta’ karrozza bomba, l-intimidazzjoni tax-xhieda għadu għaddej ġmielu. F’pajjiż fejn irjus kbar jinqabdu joħolqu kumpanniji sigrieti wara li kienu ilhom ftit jiem biss fis-setgħa, għadhom sal-lum fis-setgħa sentejn wara li nkixfu, ħadd m’għandu jiskanta bl-intimidazzjoni tax-xhieda appoġġjata mill-istat.