Erba’ ġimgħat ilu oħt Ali Sadr Hasheminejad, Negarin Sadr, għalqet il-ħanut tal-ilbiesi li kellha f’San Francisco. Wieħed mill-għejjun fdati minni ‘l bieraħ żar il-post u kkonferma miegħi li l-ħanut li kien okkupat minn Negarin London issa jinsab magħluq b’mod permanenti kif jirriżulta wkoll mill-Google page tiegħu.
Xhieda li joqgħodu viċin il-ħanut li jinsab fi Triq Fillmore, San Francisco, qaluli li madwar erba’ ġimgħat ilu il-ħanut Negarin London għalaq għall-għarrieda u f’loku issa qed jopera negozju ieħor.
Bħalma għamel ħuha, Negarin Sadr tostor il-ġens Iranjan tagħha permezz ta’ passaport ta’ St Kitts and Nevis li x’aktarx akkwistatu bis-saħħa ta’ Henley and Partners li huma l-aġenti tal-bejgħ tal-passaporti ta’ dak il-pajjiż.
Lil Negarin Sadr Hasheminejad sirna nafu biha f’Malta meta f’April 2017 Daphne Caruana Galizia xandret storja li f’Marzu 2016 tal-Pilatus Bank kienu rċevew struzzjonijiet urġenti biex minnufiħ jinfetaħ kont bankarju f’isem Negarin Sadr.
“Minkejja li diġà kien tard filgħaxija, lill-uffiċjali tal-bank qalulhom li ma setgħux jistennew sal-għada. Il-kont bankarju kellu jinfetaħ minnufiħ u self ta’ US$1 miljun kellu jsir dak il-ħin stess lil Negarin Sadr b’riżq in-negozju tagħha tal-moda”.
Dawn il-fatti jidher li ġew konfermati mill-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant li xxandru b’mod redatt mill-gvern.
Fl-istorja li xandret Daphne Caruana Galizia kitbet li “hekk kif is-self ġie proċessat, madwar US$ 400,000 mill-istess self kellu jiġi trasferit mill-kont bankarju ta’ Negarin Sadr f’kont bankarju f’isem ‘mara Maltija li tgħix fi New York u li għandha negozju tal-ġojjelli bl-isem Buttardi.”
Skond il-konklużjonijiet imxandra tal-inkjesta Egrant ma nstabu ebda provi dwar xi struzzjonijiet li kienu ingħataw u li twettqu.
F’Jannar li għadda jien kont irrappurtajt li fit-13 ta’ April 2016 (xi ġranet wara li sar l-allegat ħlas ta’ US$ 400,000) JP Morgan Chase Bank kien informa lir-reġistru pubbliku ta’ New York li Michelle Buttigieg – waħda mis-sidien tal-Buttardi – m’għadhiex midjuna miegħu fuq is-self li kienet ħadet sentejn qabel u li l-ipoteka kienet tneħħiet. L-ipoteka biex tagħmel tajjeb għas-self kienet saret fuq ix-xiri ta’ appartament f’East 74th Street, New York u kienet tkopri s-somma ta’ US$ 790,000.
L-isem Buttardi jidher li huwa wieħed fażull u sa April 2018 il-website tiegħu tneħħa.
Michelle Muscat kienet ammettiet pubblikament li kienet tkellmet dwar dak li xehdet quddiem l-inkjesta Egrant ma’ Michelle Buttigieg u dan minkejja ordni tal-qorti li lanqas biss kellha tgħid pubblikament li xehdet aħseb u ara titkellem ma’ xhieda oħra dwar il-kontenut tax-xhieda tagħha.
Ma jidhirx li Negarin Sadr intalbet tixhed quddiem fl-inkjesta Egrant minkejja l-fatt li allegatement kellha x’taqsam mat-trasferiment illegali ta’ flejjes.
Madankollu Negarin Sadr jidher li ħallset parti mill-pleġġ US$ 38 miljun biex ħuha Ali Sadr seta jingħata l-libertà provisorja sakemm igħaddi ġuri f’Mejju li ġej mixli fuq frodi u ksur ta’ sanzjonijiet.