Se ngħid dak li nħoss anki jekk inkun l-uniku bniedem li ngħidu.
Ieqfu aħsbu ftit fuq din il-biċċa tlablib żejjed u aħsbu wkoll dwar l-implikazzjonijiet. Ta’ sikwit Daphne Caruana Galizia kienu jiġuha ħsibijiet dwar kemm kienet tinsab weħidha, għalkemm minn dak li naf b’ċertezza, qatt ma ddubitat it-twemmin tagħha.
Jien m’għandix il-konvinzjoni tal-azzar li kellha hi.
Allura meta nibda’ nwerżaq qisni miġnun dwar kemm hija kwistjoni gravi meta, fl-istituzzjonijiet ġudizzjarji, Ministru tal-Ġustizzja jagħmilha tal-avukat personali ta’ min ikun is-suġġett ta’ inkjesta kriminali, taħkimni s-solitudni.
Il-President tal-Kamra tal-Avukati George Hyzler sejjaħ bħala “stramb” l-aġir tal-Ministru. Kollox sew, hekk hu. Forsi l-kelma “stramb” hija kelma diplomatika żżejjed in vista tal-fatt li l-Kamra tirrappreżenta avukati li għandhom twemmin politiku differenti u l-istqarrija ta’ George Hyzler hi iktar iebsa milli tinstema’. F’dan il-pajjiż, wara kollox, il-mentalità partiġġjana tirregola għandekx taqbel jew ma taqbilx mal-aġir tal-Ministru tal-Ġustizzja.
Hawn min jaħseb b’dan il-mod.
Is-solitudni vera tkompli tiggrava meta tibda’ taħseb li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista m’hi qed tkun ċara xejn dwar dan il-kunflitt ta’ interess enormi. Kien hemm min għamel paraguni mal-każ ta’ Franco Mercieca li ried ikompli jaħdem fil-professjoni oftalmoloġika tiegħu minkejja d-dmirijiet ministerjali li kellu. Ngħidha ċar u tond: il-każ ta’ Franco Mercieca m’għandu x’jaqsam xejn. Din il-kwistjoni m’hix dwar ix-xewqa ta’ Owen Bonnici li jaqla’ lira żejda.
Iżda hi kwistjoni dwar l-indħil tal-gvern fix-xogħol tal-ġudikatura. Dan m’huwa xejn ħlief sinjal li d-demokrazija f’pajjiżna m’hix qed taħdem kif suppost.
U meta dan l-abbuż gravi bħal donnu jiġi aċċettat, dan ma jkun xejn ħlief sinjal ieħor li d-demokrazija m’hix sikkitha.
Fil-qorti, l-Oppożizzjoni qed issostni li għandha “d-dritt” li tingħata kopja sħiħa tal-inkjesta Egrant. Ġaladarba l-Oppożizzjoni diġà stqarret li m’hemm xejn li jista’ jbiddlilha fehmitha dwar il-konklużjonijiet tal-inkjesta, sinċerament ma nafx ir-rapport sħiħ x’tambiħ.
Tal-Oppożizzjoni nistħajjihom qishom tfal tal-iskola jibbattibekkjaw: ‘iss, mhux fier … lilu tajtu waħda u lili ma tajtnix’.
U minn dan l-argument – jekk tista’ ssejjaħlu hekk – titfaċċa l-aħbar li bilkemm titwemmen ta’ meta l-Avukat Ġenerali xehed bil-ġurament li l-Ministru tal-Ġustizzja huwa wkoll l-avukat personali tal-koppja Muscat.
Għall-Oppożizzjoni, għal ġieħna, qiesu ma ġara’ xejn.
Li jġiegħelek tirrabja huwa l-fatt li l-Oppożizzjoni bħal donnha qiegħda taqbel li dan il-kunflitt ċar ta’ interess huwa wieħed aċċettabbli u li jibqa’ aċċettabbli li kieku fil-gvern hemm il-Partit Nazzjonalista. Nagħmilha ċara li ebda Gvern Nazzjonalista li kien hawn sal-lum ma kien jaċċetta dan l-aġir.
Mid-dehra dan it-twaqqiegħ fil-livelli ta’ mġieba korretta issa sar il-politika uffiċjali tal-PN.
Araw ftit kif Hermann Schiavone — deputat midħla sew ta’ Adrian Delia — irreaġixxa għar-rimarki li għamel Sven Giegold li kemm il-darba Malta ma tibdilx il-prattika tagħha dwar il-ħasil ta’ flus maħmuġin, se jkollu jagħmel kampanja biex jipperswadi lill-HSBC titlaq minn pajjiżna.
Hermann Schiavone — jiġifieri l-PN — lil Sven Giegold qallu “fuck off”. Fil-fatt qallu f*** off, għax jien ma tantx noqgħod nogħmodha.
Dan id-diskors ifakkarna xi ftit fl-istqarrijiet li kien jagħmel Alfred Sant fil-konfront ta’ politiċi Ewropej li kienu jiġu hawn qabel l-2004 biex igħidulna x’inhu meħtieġ biex inkunu nistgħu nissieħbu fl-Unjoni Ewropea. Lil Gunter Verheugen kien hedded li jaqtagħlu mnieħru u lil Kummissarju oħra kien għajjarha “Taliban”.
Konna nitkażaw bil-medjokrità tal-Labour li kienu kontra li Malta ttejjeb il-livelli tagħha biex jintlaħqu dawk Ewropej u kienu jippreferu li lill-Ewropej jibgħatuhom “to fuck off”.
Il-PN il-ġdid jidher li ddakkar. Allaħares l-HSBC kellha tiddeċiedi li titlaq minn Malta. Iżda biex din tibqa’ hawn jeħtieġ li ma nibqgħux nagħlqu għajn waħda fil-konfront tal-ħasil tal-flus maħmuġin. Hi u tara kif toħroġ mill-kobba mħabbla li tinsab fiha minħabba n-nuqqasijiet tagħha tal-imgħoddi fil-konfront tal-awtoritajiet tar-Renju Unit u dawk Amerikani, l-HSBC ċertament ma kellhiex bżonn lil Sven Giegold biex iġiegħelha taħsibha darbtejn għandhiex tkompli topera f’Malta. Fil-fatt, diskors li jista’ jinftiehem f’dan il-sens kien diġà ntqal fl-imgħoddi.
Minflok tagħmel pressjoni fuq il-gvern biex jirranġa n-nuqqasijiet li hawn dwar il-ħasil tal-flus u tesiġi li dawk il-politiċi li jinqabdu jaħslu l-flus maħmuġin jew jagħtu l-kenn lil min jaħsilhom għandhom jiġu mġiegħla jiffaċċjaw il-ġustizzja, għall-Oppożizzjoni s-soluzzjoni hi li lill-MEP’s ngħidulhom “to fuck off”.
Il-bigottiżmu parrokkjali huwa frott iċ-ċokon tal-imħuħ. U jidher li l-PN ittieħed minnu.