Stqarrija ta’ #Reżistenza:

Huwa prinċipju bażiku rikonoxxut universalment li l-istituzzjonjiet ta’ l-iStat għandhom jippromwovu l-ġid komuni, u mhux l-interessi illeġittimi tal-ftit. Stat li ma jagħmilx dan jitlef l-awtorita’ tiegħu.

Il-bejgħ mill-Gvern Malti bi prezz redikolu ta’ l-art li sa ftit tax-xhur ilu kienet okkupata mill-Institute of Tourism Studies u l-għoti tal-permess għall-bini ta’ torri fuq l-istess sit mill-Awtorita’ tal-Ippjanar ser jinżlu fl-istorja ta’ pajjiżna fost l-akbar skandli li l-Poplu Malti qatt għex. L-interess tal-Poplu ġie skartat għall-benefiċċju illeġittimu tan-negozjant rgħib. L-oġġezzjonijiet ta’ l-eluf li opponew dan il-proġett skandaluż ġew skartati sabiex ġie akkomodat l-ispekulatur. F’Malta m’hawn ħadd li jemmen li l-proċess li ser iwassal sabiex jinbena dan it-Torri ta’ Babel kien wieħed li poġġa l-ġid komuni fl-ewwel post.

Huwa evidenti li l-Poplu huwa bi ħġaru kontra dan l-iżvilupp mijopiku, iżda l-awtoritajiet għaddew bil-gaffa minn fuq il-karba tiegħu. F’dan l-istadju fejn id-deċiżjoni li jingħata permess għal dan il-proġett għada tista’ tingħeleb permezz ta’ appell, huwa skandaluż li diġa’ beda x-xogħol fuq dan is-sit. Neżiġu li x-xogħol jieqaf immedjatament.

Tassew qegħdin ngħixu f’perjodu mudlam fil-ħajja ta’ pajjiżna, fejn is-sewwa mhux il-kejl li bih qegħdin jittieħdu d-deċiżjonijiet. Il-prinċipji li fuqhom huwa mibni pajjiżna ġew korrotti, bil-konsegwenza li r-rieda li ssir ġustizzja soċjali tmermret u minflok organi ewlenin ta’ l-iStat Malti qegħdin jipproduċu riżultati oxxeni. Il-miljunarji qegħdin ikomplu jistgħanew b’mod illeġittimu minn fuq dahar iċ-ċittadini komuni, li qegħdin jiġu mġegħla jissallbu sabiex ikollhom saqaf fuq rashom.

Filwaqt li pajjiżi serji ilhom għexieren ta’ snin li addottaw liġijiet li jirregolaw kif jista’ isir il-lobbying minn interessi privati, il-liġi Maltija tagħmel biss referenza ċkejkna għal dawn il-prattiċi. Il-politiku Malti tipiku volontarjament rriduċa lilu nnifsu għal sensal ta’ pjaċiri u tgħawwiġ ta’ regoli, jekk mhux saħansitra promotur ta’ leġislazzjoni u tfassil ta’ policies b’għanijiet korrotti.

Wasal iż-żmien li ċ-ċittadini onesti ta’ dan il-pajjiż jgħollu leħinhom u jipprotestaw fit-toroq sabiex jeżiġu li ikunu rispettati d-dinjita’ u l-aspettattivi leġittimi tagħhom. Il-Poplu m’għandux jagħlaq ħalqu quddiem abbużi lampanti bit-tama li mill-ħażin ser igwadi xi ftit huwa wkoll. L-abbuż qatt ma jista’ ikun il-bażi ta’ sistema ekonomika b’saħħita. Għall-kuntrarju, l-abbuż jċaħħad lil pajjiżna minn futur ħieni.