Meta l-Ispettur tal-pulizija li qed imexxi l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Keith Arnaud kien qed jinterroga lil Alfred Degiorgio, lill-Fulu wrieh l-evidenza kollha li l-pulizija kellha f’idejha dwar is-sehem tiegħu fil-qtil tal-ġurnalista.

Lil Alfred Degiorgio, Keith Arnaud indikalu li l-pulizija kienet sabet tarf tal-assassinju. Wrieh ir-rekords tax-xiri tas-SIM card, il-movimenti tal-mobiles, ir-rekords tad-diskorsi li saru fuq il-mobiles u r-ritratti tiegħu fuq dgħajsa fil-port. Fi ftit kliem, dak kollu li kien meħtieġ biex dan seta’ jinqafel il-ħabs.

Madankollu Keith Arnaud ma setax isib tarf ta’ kwistjoni waħda. Dakinhar li kien ġie arrestat, Alfred Degiorgio kien diġà jaf li l-pulizija kienu se jiġbruħ. Il-kelb li kien iżomm fit-tinda tal-patata ma kienx għadu hemmhekk. Ftit qabel ma ġabruħ, sieħbu Vince Muscat kien rema’ l-mobile il-baħar. Anki ċ-Ċiniż ma żammx il-mobile fuq persuntu iżda kiteb in-numru tal-mobile tas-sieħba tiegħu fuq il-pala ta’ jdejh.

Dawn kollha huma sinjali li fl-4 ta’ Diċembru 2017 xi ħadd kien infurmahom li l-pulizija kienet se tiġborhom.

F’April 2018 France 2 u The Daphne Project xandru l-aħbar li Chris Cardona kien fil-famuż Ferdinand Bar fis-Siġġiewi flimkien ma’ Alfred Degiorgio lejliet l-arresti.

Dakinhar Chris Cardona kien ħareġ stqarrija b’risposta:

“1. B’riferenza għall-filmat imxandar, il-ministru jiċħad kategorikament li kien preżenti fil-ħanut nhar il-Ħadd 3 ta’ Diċembru 2017, ġurnata qabel l-arrest ta’ dawk il-persuni li jinsabu akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

“2. Il-ministru jiċħad li qatt iltaqa’ mal-akkużat kif ukoll li kien bi ħsiebu jiltaqa’ miegħu.

“3. Il-ministru ċċara li hu jmur fil-ħanut in kwistjoni s-Sibtijiet u l-Ħdud meta jixxandru partiti tal-football fuq it-televiżjoni u ilu jagħmel dan għal diversi snin anki matul iż-żmien li fih kien għadu ma nħatarx ministru.

“4. Il-ministru kkonferma l-kummenti li hu għamel il-bieraħ lill-ġurnal Times of Malta li fihom huwa ċaħad li qatt kien fil-ħanut flimkien mal-persuni suspettati.

“5. Il-ministru qal ukoll li ma jeskludix il-possibilità li fil-ħanut, fl-istess ħin li kien fih hu, seta’ kien hemm xi persuni suspettati, bl-istess mod li ma jistax jeskludi li kien hemm persuni oħrajn fosthom politiċi Nazzjonalisti.”

Lil Keith Arnaud qallu l-istess ħaġa waqt “intervista volontarja”.

Din l-istqarrija hi mimlija kontradizzjonijiet iżda fiha wkoll stqarrijiet kategoriċi. Fil-kuntest tas-suspetti leġittimi li kellu Keith Arnaud fis-sens li lil Alfred Degiorgio xi ħadd kien infurmah li l-pulizija kienet se tiġbru, wieħed għandu għaliex jassumi li l-fatti msemmija fl-istqarrija ta’ Chris Cardona l-Ispettur għaddiehom mill-għarbiel.

Issa li rriżulta li, għallinqas f’okkażjoni waħda li qatt ma kienet issemmiet qabel, Chris Cardona kien iltaqa’ wkoll ma’  Alfred Degiorgio, wieħed għandu jistenna li jixxandar dak li rriżulta wara li kienet ġiet mgħarbla l-istqarrija.

Jekk ma kienx fil-Ferdinand Bar nhar il-Ħadd 3 ta’ Diċembru 2017, allura l-ministru fejn kien? Ġie mgħarbel l-alibi tiegħu għal dan? U dan l-alibi min hu?

Biex speċi ta’ joħloq bilanċ, Chris Cardona fl-istqarrija tiegħu semma’ wkoll “politiċi tal-Partit Nazzjonalista”. U hekk reġa’ għamel din il-ġimgħa fil-Parlament. Jista’ jsemmi dawk il-politiċi li skont hu għandhom x’jaqsmu mal-qattiela ta’ Daphne Caruana Galizia? Ikun tajjeb jekk nistaqsuhom kif kienu saru jafu lill-qattiela.

Il-fatti li nafu dwar dak li ġie miċħud u li nsatar dwar il-relazzjoni bejn Chris Cardona u Alfred Degiorgio ma jammontawx għal prova li Chris Cardona kellu b’xi mod jaqsam mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Iżda jammonta għal prova ta’ dak li Daphne Caruana Galizia ta’ sikwit kienet tikteb dwaru: li l-politika u l-kriminalità jinsabu wisq qrib xulxin u li kienet inħolqot dinja ta’ amoralità li fiha kriminali li jqiegħdu l-bombi fil-karrozzi u kriminali oħrajn li jidħlu għall-ħajja pubblika jgawdu mill-ħbiberija ta’ xulxin.

Kemm f’mewtha kif ukoll f’ħajjitha, kienet iġġiegħel lill-pajjiż iħares lejn il-mera biex tintlemaħ il-kruha li sal-lum għadna niċħdu li teżisti.