Waqt li ‘l bieraħ kont Ruma, erġajt iltqajt ma’ Carlo Bonini tal-ġurnal La Repubblica li hu parti minn The Daphne Project u awtur tal-film “Daphne” li ntwera’ waqt attività organizzata minn din il-website xi xhur ilu.

Permezz ta’ Feltrinelli, għadu kemm ippubblika ktieb dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia li fih jirrakkonta l-istorja ta’ x’irriżulta s’issa dwar il-qtil u jinkludi intervisti u kummentarji li ġabar Carlo Bonini waqt li kien f’Malta  biex jirrapporta dwar din il-każ.

Il-ktieb fih ukoll brani mill-kitbiet l-aktar importanti ta’ Daphne, li wħud minnhom erġajna qrajnihom ta’ spiss kemm ilha li ġiet assasssinata, maqlubin għat-Taljan. Ħadt pjaċir naqra’ dawn il-brani bit-Taljan. Ir-raġunar tagħha stajt tagħrfu, kif stajt tagħraf ukoll il-loġika u l-ħsibijiet profondi tagħha. Iżda meta taqra’ dawn il-brani miktubin b’lingwa oħra, tibda’ tħares lejhom minn perspettiva differenti.

Qrajt ukoll traduzzjoni ta’ intervista li Daphne kienet tat ftit jiem qabel inqatlet lil analista dwar il-libertà tal-istampa. Kif poġġa l-kliem Bonini, Daphne ma setgħetx kienet taf li kienet qiegħda tiddetta l-aħħar testment tagħha.

Għalija kien ta’ privileġġ kbir li kelli nsir naf lil Carlo Bonini, kif ukoll lil ġurnalisti magħrufa oħra bħal Ellen Trapp mill-Ġermanja u lil John Sweeny mir-Renju Unit. Dawn huma nies professjonali li għandhom il-ħila jwaħħdu l-intuwizzjoni ġurnalistika ma’ analiżi profonda, ma’ lealtà lejn il-verità dokumentata, mal-oġġettività spassjonata u mal-impenn li jġiegħlhom ma jkunu newtrali qatt meta jiġu biex jagħżlu t-tajjeb mill-ħażin.

Kien ta’ sodisfazzjon għalija li dawn il-ġurnalisti lkoll fehmu sew dak kollu li jinsab għaddej f’Malta. Jidher li qraw ħafna minn dak li kienet kitbet Daphne u ntebħu, kif kienet ilha li ntebħet Daphne, bil-gideb u bil-karattru qarrieqi ta’ Joseph Muscat.

Kien ukoll ta’ sodisfazzjon li narahom jivverifikaw u jikkonfermaw dak li kienet kixfet Daphne dwar Henley & Partners, ir-rabtiet mal-Azerbajġan, il-Pilatus Bank, eċċetra.

Fil-ktieb tiegħu, Carlo Bonini jikteb li ma jafx min kien ordna l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Iżda jikteb ukoll li jaf min hu responsabbli għal dan l-assassinju. “Il-ġżira assassina” huwa ktieb li fih jixli pajjiż, kultura u poplu li ma kellux ir-rieda jew il-ħila li jisma’ t-twissijiet tal-aqwa ġurnalista li kellu biex seta’ jifhem id-dettalji tas-serq, frodi u taħwid li hawn madwaru. Fih ukoll jixlina kollettivament għan-nuqqas tagħna li nagħżlu dak li hu sewwa minn dak li hu ħażin, għar-regħba tagħna meta nuru li naqgħu u nqumu mill-prezz qares li jkollu jitħallas minn ħaddieħor u għal mod kif inħarsu lejn dawk l-aħbarijiet li ma jogħġbuniex. Dawn kollha, skond Bonini, qatlu lil Daphne Caruana Galizia.

Pajjiżna ħalliha tmut. Aħna ħallejniha tmut.

Bosta huma dwak li qatt ma qraw il-kitba ta’ Daphne Caruana Galizia sew minħabba l-lingwa li kienet tikteb biha jew minħabba lealtà reliġjuża fil-konfront tal-alla tagħhom Joseph Muscat. Madankollu dan ma kienx żammhom lura milli jgħajjruha saħħara.

Nies bigotti bħal dawn mhux se jieqfu jgħidu li Carlo Bonini huwa barrani u allura “kontra Malta”. Kif kienet ta’ spiss issostni Daphne Caruana Galizia, il-bigottiżmu u l-attitudni iżolana m’humiex marbutin ma’ xi klassi soċjali jew edukazzjoni: issibhom fost il-klassijiet soċjali kollha.

Il-bomba li qatlet lil Daphne fis-16 ta’ Ottubru misset il-kuxjenza tagħna bħala nazzjon hekk kif, għal ftit minuti, ntbaħna f’liema estremità konna wasalna. Sakemm imbagħad għamilna l-almu tagħna biex nerġgħu ninsew.